Saturday, December 21, 2024

Il-poplu Ġermaniż jiddeċiedi dwar is-suċċessur ta’ Angela Merkel

Aqra wkoll

Il-poplu Ġermaniż ilbieraħ beda jivvota fl-elezzjoni­jiet parlamentari biex ikun magħruf min se jkun qiegħed jieħu post il-Kanċiller Angela Merkel, liema votazzjoni hija waħda kkumbattuta ħafna bis-Soċjalisti Demokratiċi (SPD) joffru sfida qalila lill-konvervattivi tal-partit ta’ Merkel. 

Merkel ilha fil-poter mill-2005, iżda issa din l-era se tiġi fi tmiemha hekk kif hija ddeċidiet li ma terġax tikkontesta. Din l-elezzjoni qiegħda titqis bħala waħda kruċjali għall-futur tal-Ġermanja. L-elettorat Ġermaniż jidher li huwa maqsum ħafna l-opinjonijiet tiegħu u b’hekk wara l-elezzjoni l-partiti bl-ikbar ammont ta’ voti probabbilment ikollhom jidħlu f’diskussjonijiet ma’ partiti iżgħar biex jiġu fformati koalizzjonijiet, liema proċess jista’ jieħu xhur. F’dan il-perjodu Merkel tibqa’ fil-kariga bħala care-
taker. 

Meta kien qiegħed jagħ­mel l-aħħar rally tal-kampanja elettorali ġewwa Aac­hen flimkien ma’ Merkel, il-kandidat konservattiv Armin Laschet qal li jekk l-alleanza xellugija tal-SPD, il-Ħodor u l-partit Linke jirbħu dawn joħolqu instabbiltà fl-Ewropa. Huwa qal li, “huma joħorġuna min-NATO… dawn ma jridux din l-alleanza, dawn iridu repubblika oħra.” Laschet – li għadu 60 sena – tenna li, “jien ma rridx li Linke jkunu l-gvern il-ġdid.”

L-avversarju ewlieni ta’ Laschet huwa Olaf Scholz tal-SPD, il-ministru tal-finanzi fil-koalizzjoni ta’ Merkel u r-rebbieħ l-aħħar tliet dibatti televiżivi li kellu mal-kandidati ewlenin. 

L-alleati tal-Ġermanja qed isegwu mill-qrib l-avvenimenti li qed iseħħu f’dan il-pajjiż iżda probabbilment dawn ikun jeħtiġilhom jistennew xhur sħaħ biex jaraw fil-formazzjoni ta’ gvern ġdid u tkun magħrufa liema politika barranija se tiġi adottata. Kif diġà aċċennat, l-opinjoni politika ġewwa dan il-pajjiż hija waħda maqsuma ħafna u għalhekk wisq probabbli se jkun hemm bżonn ta’ koalizzjoni bejn tliet partiti. Skont l-aħħar sondaġġi, is-Soċjalisti Demokratiċi jidher li qed igawdu vantaġġ żgħir, iżda f’dawn l-aħħar jiem il-konservattivi rnexxielhom inaqqsu d-distakk. Dan apparti li sal-aħħar sigħat kien għad hemm ħafna votanti inde-
ċiżi. 

Fl-aħħar diskors tiegħu qabel il-votazzjoni, quddiem il-kostitwenti tiegħu f’Potsdam Scholz qal li huwa qiegħed jittama li l-SPD u l-Ħodor jiksbu rebħa suffiċjenti biex imexxu waħedhom mingħajr il-bżonn tat-tielet partit. 

Ekonomija

Sport