Esperti li tkellmu mal-BBC qalu li ż-żieda attwali fil-każi tal-Covid-19 fiċ-Ċina “mhux probabbli” li tħalli impatt fuq l-Indja, iżda ħeġġew lin-nies biex jibqgħu kawti u jilbsu l-maskri. Ġie rrappurtat li l-Indja żiedet is-sorveljanza wara żieda fil-każijiet fil-pajjiż ġar tagħhom, iċ-Ċina.
Nies li jivvjaġġaw miċ-Ċina u erba’ pajjiżi Ażjatiċi oħra issa jridu jipproduċu test negattiv tal-Covid-19 qabel jidħlu fl-Indja. Matul il-jum tat-Tlieta, saru wkoll eżerċizzji biex jiċċekkjaw jekk l-isptarijiet setgħux jimmaniġġjaw għal din iż-żieda qawwija fil-każi.
Skont data tal-Gvern, l-Indja bħalissa għandha madwar 3,400 każ attiv ta’ Coronavirus. Iżda rapporti ta’ din iż-żieda fiċ-Ċina u ż-żewġ mewġiet kbar tal-Covid fl-2020 u fl-2021 fl-Indja nisslu biża’ fost il-poplu. Minkejja dan, l-esperti qed jgħidu li għalissa ma hemm l-ebda raġuni għalfejn wieħed jinkwieta.
“Iż-żieda fl-infezzjonijiet fiċ-Ċina hija mistennija. Jekk għandek popolazzjoni suxxettibbli li mhix esposta għall-virus, il-każijiet se jiżdiedu. Xejn ma nbidel għall-bqija tad-dinja, inkluża l-Indja,” qal Dr Chandrakant Lahariya, epidemjologu u speċjalista fil-qasam tas-saħħa.
Iċ-Ċina ilha tissielet ma’ żieda fil-każi tal-Covid wara li bdiet titbiegħed mill-hekk imsejħa politika tagħha ta’ ‘zero-Covid’ – li kienet tinkludi lockdowns stretti, kwarantina u anke fruntieri magħluqin. Il-pajjiż issa qed jipprova jżid it-tilqim għall-popolazzjoni anzjana vulnerabbli tiegħu hekk kif iż-żieda fil-każi qed tkun ta’ piż fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa.
L-istess żieda qajmet ukoll xi dubji fost esperti dwar jekk il-vaċċini ewlenin użati fiċ-Ċina – Sinovac u Sinopharm – jipprovdux immunità fit-tul. “In-nies qed jiġu infettati minħabba li l-BF.7 (is-subvarjant tal-Omicron li rapporti qed jgħidu li qed iwassal għaż-żieda fil-każi) huwa infettiv ħafna. Jekk ma jkollokx immunità, ikollok aktar mard li se jaffettwa lill-anzjani u popolazzjonijiet immuno-soppressi,” qal il-virologu Dr Jacob John.
Matul l-aħħar xhur, l-Indja rrappurtat erba’ każijiet ta’ Covid-19 ikkawżati mill-BF.7, bil-pazjenti issa jirkupraw. “Il-Covid-19 għadu magħna. In-nies għadhom jiġu infettati u jiddaħħlu fl-isptarijiet. Għaldaqstant mhux li aħna meħlusa mill-Covid iżda saret bħal infezzjoni oħra li tixbaħ lill-influwenza,” qal l-epidemjologu Dr Lalit Kant.