Thursday, December 26, 2024

“Il-poplu jrid li l-edukazzjoni fl-iskejjel tkompli”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Owen Bonnici, iħabbar li tliet kwarti tal-istudenti qegħdin imorru l-iskola

Minn CARMEN CACHIA

F’sena normali jkun hemm 10% tal-istudenti li jassentejixxu rwieħhom fl-etajiet tal-edukazzjoni obbligatorja, jiġifieri bħala medja jattendu 90% tal-istudenti. Minkejja li kien hemm tħassib minħabba l-pandemija tal-Covid-19, sal-bidu ta’ din il-ġimgħa l-ammont ta’ studenti li qegħdin jattendu l-iskola kien ta’ tlieta minn kull erbat itfal u dan juri li l-ġenituri jridu li l-edukazzjoni ta’ wliedhom fl-iskejjel tkompli.

Dan is-sit tkellem mal-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Owen Bonnici, fejn qalilna li, “din l-attendenza ta’ 75% tal-istudenti fl-iskejjel tal-Istat turi li l-poplu hemm barra jrid li l-edukazzjoni tkompli u jemmen fil-miżuri li l-Gvern implimenta għall-imminimizzar kemm jista’ jkun tar-riskji. Il-poplu għandu fiduċja ċara f’dak li qegħdin nagħmlu u li qegħdin inwettqu”.

Il-miżuri skont ir-rakkomandazzjonijiet tas-saħħa ġew implimentati f’kull binja edukattiva f’Malta u l-għan ewlieni tagħhom huwa li jissalvagwardjaw is-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti u l-edukaturi kollha. Il-Ministru Bonnici qal li nofs dawk li fallew ipprovdew raġuni għall-assenteizmu tagħhom u li 12% tat-tfal li m’humiex jattendu l-iskola, għandhom kundizzjonijiet mediċi, għalhekk l-ammont ta’ tfal li m’humiex imorru għal raġunijiet oħra huwa żgħir.

Minkejja li żdied in-numru tal-każijiet tal-Covid-19, ir-rata ta’ tfal li jattendu l-iskejjel tal-Gvern baqgħet l-istess u hija rata tajba ħafna. Il-Ministru Bonnici qal li fil-perjodu qasir li ilha li bdiet is-sena skolastika l-ġdida diġà ġew irrrekordjati madwar 700 lezzjoni f’suġġetti differenti li qegħdin jixxandru fuq il-pjattaforma “Teleskola”.

“Sar u għadu jsir investiment kbir għall-proġett ta’ Teleskola u dan qiegħed isir minħabba li l-unjins tal-għalliema ma riedux li l-lezzjonijiet fil-klassi jixxandru direttament online għar-raġuni li ma xtaqux li jkun imxandar l-ambjent tal-klassi,” kompla Bonnici. Huwa qal ukoll li kien hemm qbil mal-MUT biex l-għalliema komplimentari u dawk ta’ suġġetti peripatetiċi qegħdin jieħdu post l-għalliema li jkunu assenti minħabba raġunijiet ta’ mard. Din is-sistema tkompli tgħin li l-lezzjonijiet fil-klassijiet jibqgħu għaddejjin b’ritmu sod u b’mod sigur.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni sostna fiż-żminijiet kruċjali li ninsabu fihom, huwa importanti li ż-żewġ unjins tal-edukaturi f’Malta – jiġifieri dik ewlenija l-Malta Union of Teachers (MUT) u l-Unjin tal-Edukaturi Professjonisti (UPE) – jimxu b’maturità u mhux b’militantiżmu. 

Hawnhekk huwa tenn għall-fatt li l-UPE toħroġ direttivi ta’ azzjonijiet industrijali meta m’hiex rikonoxxuta bħala l-unjin tal-maġġoranza tal-għalliema, mentri l-MUT turi aktar responsabbiltà fl-azzjonijiet tagħha. 

Il-Ministru Owen Bonnici min-naħa tiegħu reġa’ kkonferma li, “bħala Gvern u bħala Ministeru, aħna kommessi li nkomplu nagħtu l-aħjar edukazzjoni għal uliedna – li hija l-edukazzjoni fil-klassi”.

Ekonomija

Sport