Monday, June 9, 2025

“Il-poplu ma jridx għajjat u storbju …” – Alex Borg

Aqra wkoll

“Il-poplu ma jridx għajjat u storbju iżda politika ta’ tama fejn għandu jmur dan il-pajjiż u partit.” Hekk kiteb id-Deputat Nazzjonalista Għawdxi Alex Borg b’referenza għall-istħarriġ politiku li ġie ppubblikat nhar il-Ħadd li għadda.

Dan l-istħarriġ wera li l-Partit Laburista reġa’ għandu l-maġġornaza assoluta tal-voti li kien irċieva fl-aħħar elezzjoni ġenerali.

“L-istħarriġ ippublikat dalgħodu juri li għad m’ għamilnix biżejjed progress sabiex inkunu vera gvern alternattiv. Minkejja li dan l-istħarriġ f’Għawdex ir-riżultat juri li l-Partit Nazzjonalista għadu l-għażla li jrid il-poplu rridu naħdmu b’iktar għaqal ma Malta kollha u mas-saffi soċjali kollha biex nagħmlu l-avvanz li hemm bżonn,” kiteb Borg.

Qal li jkun “żball li naqtgħu qalbna. Ikun żball jekk intaffu l-ħidma. Ikun żball jekk nieqfu nisimgħu u nitkellmu. Ikun żball jekk nippuntaw subajna lejna dak u l-ieħor, speċjalment fuq il-midja soċjali. Hemm bżonn iktar ħidma.”

Id-deputat Għawdxi temm jikteb li “n-nies iridu oppożizzjoni effetiva, kritika iva imma mhux negattivita, jriduna noffru tama u mhux moħħna biss fil-ħażin ta’ ħaddieħor imma li noħorġu t-tajjeb u l-kwalitajiet tagħna. Il-poplu ma jridx għajjat u storbju iżda politika ta’ tama fejn għandu jmur dan il-pajjiż u partit.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport