Is-solidarjetà f’kull forma tagħha, għandha tintwera bil-fatti u mhux bil-kliem biss. F’pajjiżna, is-solidarjetà bejn il-Maltin u l-barranin mal-poplu kollu narrawha tispikka ta’ spiss.
Eżempju ċar huwa l-avveniment tal-lbieraħ, hekk kif eluf attendew għall-Mixja tal-President b’risq il-Community Chest Fund. L-eluf ta’ persuni ngħaqdu wara l-E.T. Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta, il-Prim Ministru Robert Abela, l-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles J Scicluna, u l-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg f’din l-inizjattiva li ilha ssir sa mill-2008.
Kulħadd żgur jaqbel li hija xi ħaġa sabiħa ħafna li l-poplu jkun magħqud għal għan wieħed u għal kawża verament ġusta. Dan rajnih waqt l-istess avveniment, fejn wieħed seta’ jara l-Prim Ministru Robert Abela ingħaqad mal-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg u ma’ għadd ta’ politikanti li għal ftit mumenti warrbu l-politika fil-ġenb u mxew għal għan wieħed.
Fid-diskorsi tal-ogħla awtoritajiet ta’ Malta, fi tmiem il-Mixja tal-President, spikka messaġġ komuni ta’ rikonoxximent għall-għaqda nazzjonali u ġenerożità, riflessi fil-parteċipazzjoni qawwija ta’ din is-sena, ta’ eluf ta’ persuni li nġabru flimkien u bid-donazzjoni tagħhom jagħmluha possibbli li l-Malta Community Chest Fund tgħin lil dawk kollha li jiġu fil-bżonn.
Il-parteċipazzjoni f’din il-maratona hija xhieda oħra ta’ kemm il-poplu Malti huwa ġeneruż u solidali, li lest jagħti ftit minn dak li għandu biex jgħin lil ħaddieħor. Fuq kollox, okkażjoni bħal din hija serviet ta’ opportunità lil poplu sabiex jingħaqd u jagħti ħajja aħjar lil dawk li x-xorti ma tantx tbissmitilhom.


