Saturday, April 20, 2024

“Il-poplu mhux talli ma tilef xejn, talli se jkun qiegħed jieħu lura”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Il-poplu mhux talli ma tilef xejn, iżda talli se jkun qiegħed jieħu lura”. Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament waqt li kien qiegħed jispjega dwar ir-rinegozjar bejn il-gvern, l-American University of Malta (AUM) u Smartcity. Il-Prim Ministru kien ċar fid-diskors tiegħu li minkejja dan il-ftehim, l-Oppożizzjoni se tkun qiegħda toħroġ bil-ħrafa li l-AUM se jkunu jistgħu jagħmlu xi proġetti ta’ real estate permezz ta’ dan il-ftehim u saħaq li l-iskop se jibqa’ wieħed edukazzjonali. Abela ħareġ ukoll id-differenza bejn iż-żewġ partiti l-kbar u qal li għalih bħala Prim Ministru ma tagħmilx sens li jkisser proġetti li bdew minn amministrazzjoni oħra, anzi li jibni fuqhom biex jaħdmu aħjar. Huwa qal li jekk b’dan il-ftehim, l-art ċeduta minn Smartcity se tkun tista’ tiġi ristrutturata aħjar fl-aħħar mill-aħħar huwa l-poplu kollu li se jgawdi.

Rigward il-proġett tal-AUM, il-Prim Ministru qal li m’hemmx dubju li dan seta’ telaq aħjar. Minkejja dan huwa qal li tajjeb li ninnutaw li min għandu dan il-proġett f’idejh għamel investiment sostanzjali f’binja mitluqa u riġenerazzjoni sħiħa fil-madwar. Spjega wkoll li l-gvern kellu żewġ għażliet quddiem –  li jipprova jkisser il-proġett bil-konsegwenzi kuntrattwali tiegħu kollha, jew li jirridimenzjona dan l-istess proġett.

Huwa għamel referenza għall-mod dilettantesk ta’ kif tirraġuna l-Oppożizzjoni li taħseb li Prim Ministru jista’ jqum filgħodu u jagħmel xi ħaġa li jiftillu. Qal ukoll li ma jagħmel l-ebda sens ir-raġunar tal-Oppożizzjoni li taħseb li l-gvern jista’ jaqbad u jqatta’ kuntratt jew li jkeċċi lill-investituri ’l barra kif jiftillu.

Abela tenna jgħid li bħala Prim Ministru li jiddeċiedi emmen li dan il-proġett kellu jiġi rinegozjat għax il-ħsieb ta’ dan il-gvern huwa li joħloq l-opportunitajiet b’inċentivi ġodda. Tkellem dwar diskussjonijiet bejn il-gvern, l-AUM u Smart City biex jirrevedi ftehimiet li kienu jeżistu biex dawn ikunu jistgħu jiġu emendati. Sostna li fiż-żewġ riżoluzzjonijiet li ressaq il-gvern kellu prijorità ewlenija li jipproteġi l-ambjent naturali f’Wied il-Għajn.

Il-Ftehim fil-qosor

Skont il-ftehim il-ġdid, L-AUM se tkun qiegħda tpartat mal-gvern billi ċċedi art, li l-gvern se jkun qiegħed jikkumpensa għaliha b’art oħra li rnexxielu jirkupra f’idejh. B’hekk l-AUM qiegħda tqabel li ċċedi mal-41,000 metru kwadru ta’ art miż-Żonqor, ftit inqas minn 5,000 metru kwadru ta’ art minn Bormla u minflok se tkun qiegħda tingħata 32,000 metru kwadru fi Smartcity li nofsha se tkun mibdula fi spazju miftuħ u mat-30 fil-mija se tkun saħansitra aċċessibbli għall-pubbliku. Barra minn hekk, hija se jkollha titlu fuq ħames garaxxijiet biex b’hekk ikompli jsir ix-xogħol ta’ restawr u titkompla tissebbaħ iż-żona. Hawnhekk Abela kien ċar li ż-żona pedonali se tibqa’ hekk biex tkun tista’ tiġi aċċessata mill-pubbliku.

Fl-ispjega tiegħu, il-Prim Ministru qal li b’hekk il-gvern se jkun qiegħed jagħti lill-AUM parti biss mill-art li ċedietlu Smartcity biex b’hekk il-bqija ta’ din l-art se tkun tista’ tintuża għal proġetti oħrajn. Fost dawn il-proġetti, il-Prim Ministru ddikjara li parti mill-art se tintuża għall-iżvilupp tal-proġett tal-ITS li jemmen li se jkompli joħloq opportunitajiet ta’ karrieri li jixirqu lill-poplu tagħna.

Poplu li għażel manifest li jaf li se jiġi mwettaq

Il-Prim Ministru tkellem dwar kif il-poplu fl-aħħar elezzjoni reġa’ tah il-fiduċja minħabba diversi raġunijiet fosthom għaliex miegħu jaf fejn qiegħed. Sostna li kif wiegħed fil-kampanja elettorali tiegħu, dan il-gvern immexxi minnu se jkun qiegħed jibdel elf proposta f’elf kisba għal pajjiżna. 

Abela ma naqasx milli jitkellem dwar ġrajjiet dinjin goffi li kellu jaffaċċja kemm ilu Prim Ministru fejn wara pandemija, tfaċċat gwerra li ħalliet impatt fuq pajjiżi ġganteski bħalma huwa l-Ġermanja li kellha tieħu ċertu deċiżjonijiet. Spjega li minħabba dan il-kunflitt, il-Ġermanja għażlet li terġa’ tibda tipproduċi l-enerġija bil-faħam u din turik kemm huma kbar dawn l-esperjenzi li qed nesperjenzaw.

Il-Prim Ministru fakkar dwar il-wegħdiet tiegħu li jwettaq l-emendi li hemm bżonn fil-liġi fosthom fil-liġi tal-IVF u kif proprju fil-100 jum dan seħħ. Sostna li bħala gvern, il-membri kollha kienu jafu kif se jivvutaw b’viżjoni filwaqt li n-naħa l-oħra tal-kamra baqgħu sal-aħħar lanqas jafu fejn huma magħhom infushom.

“Dan il-pajjiż se jibqa’ miexi ’l quddiem bis-saħħa u xhieda ta’ dan għada se nkompli ninawgura proġetti ġodda mill-Belt Valletta. Entużjast li nibqa’ nilqa’ persuni minn madwar id-dinja biex ikomplu jinvestu f’dan il-pajjiż li tant jemmnu fih”, temm Abela.

Sport