Monday, December 9, 2024

“Il-poplu se jerġa’ jagħti vot ta’ fiduċja b’saħħtu lill-PL”

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela esprima l-konvinzjoni tiegħu li meta tasal il-ġurnata tal-ġudizzju – l-elezzjoni ġenerali – il-poplu se jkun qed jerġa’ jagħti vot ta’ fiduċja b’saħħtu lill-Partit Laburista. Fl-istess waqt huwa qal li jixtieq jibqa’ mfakkar bħala dak li kien spalla ma’ spalla mal-poplu u pproteġieh fl-aktar mumenti diffiċli bħall-pandemija, l-inflazzjoni u l-prezzijiet tal-enerġija.

Il-Prim Ministru stqarr dan meta kien qed jiġi intervistat minn Saviour Balzan fuq il-programm Xtra. Huwa tkellem fuq diversi temi ekonomiċi fosthom il-Budget, ir-riġenerazzjoni tal-Marsa fejn iddikjara li nistgħu naslu għaliha u li l-industrija marittima jkollha hub proprju sabiex tesponi l-kwalità ta’ eċċellenza li għandha f’dan is-settur.

F’dak li jirrigwardja l-Budget 2025, il-Prim Ministru qal li l-Gvern ippreżenta pjan b’saħħtu li jagħti kwalità u jsaħħaħ il-middle class bl-akbar tnaqqis fit-taxxi fl-istorja u żieda qawwija fiċ-children’s allowance.
Qal ukoll li dan kien budget li ħaseb f’kulħadd u ma traskura lil ħadd. “L-għajnuniet li tajna u t-tisħiħ fil-pensjonijiet. Fi 11-il sena żidna l-pensjonijiet b’70 ewro fil-ġimgħa. Tajna mill-ġdid stabbilità fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils.”

“Kelma waħda li tikkaratterizza lil dan il-budget hi l-fiduċja li tajna lill-poplu u l-fiduċja li l-poplu, in-negozjanti u min jinvesti għandhom fil-ħidma ta’ dan il-gvern,” tenna l-Prim Ministru.

Mistoqsi dwar ir-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika dwar l-ingaġġ ta’ Amanda Muscat – illum mart il-Ministru Clayton Bartolo – fil-Ministeru għal Għawdex, il-Prim Ministru qal li d-deċiżjoni f’dan ir-rigward ma ħadhiex illum jew ilbieraħ iżda aktar minn tliet snin ilu.

“Kien hemm it-terminazzjoni tal-impjieg ta’ Amanda Muscat. Il-persuna inkwistjoni ilha aktar minn 3 snin ma taħdimx mill-Gvern ta’ Malta. Id-deċiżjoni ħadtha tempestivament. Ma qgħadtx ngħid ħa nistenna r-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards. Jiena ħassejt li kien jispetta lili li nieħu dik it-tip ta’ deċiżjoni,” qal il-Prim Ministru.

Huwa tkellem ukoll dwar dik li sejħilha bħala “l-ispin li qed jipprova jiffumenta l-Partit Nazzjonalista” illi l-persuna inkwistjoni ħadet b’aktar minn 68,000 ewro li ma kinux jimmeritawha. Hawn innota kif il-Kummissarju tal-Istandards qal li dan ma kienx każ ta’ xi phantom job filwaqt li d-diskrepanza li hemm bejn is-sigħat ta’ xogħol li wettqet għal dak li kellha l-kariga attwali dwaru f’ċertu żmien, kien ta’ ftit aktar minn 16,000 ewro.

Issa jmiss l-istadju fejn il-Kumitat Parlamentari dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika jiddeċidix jadottax dan ir-rapport jew le. Il-Prim Ministru nnota wkoll l-ipokrezija tal-PN meta stqarr li fi ħdanu għandu diversi Membri Parlamentari li jaħdmu mal-Gvern u li allegatament “b’mod kontinwu jirrifjutaw li jmorru fuq il-post tax-xogħol u ma jagħtux is-servizz li għalih huma mħallsin.”

Il-Prim Ministru żied jgħid ukoll li l-Kummissarju tal-Istandards sostna li għandu jiġi aġġornat il-manwal tal-ingaġġ. Qal li “nemmen li dik hija emenda, riforma li rridu nagħmlu.”

“L-importanza iżda tibqa’ l-uniformità u li ma jkunx hemm żewġ rigi differenti”, bil-Prim Ministru isostni li “jekk inti tappartjeni l-Oppożizzjoni jew jekk kont eks membru tal-Oppożizzjoni li tista’ tipprietka ħafna r-rule of law imma mbagħad tagħmel f’ħajtek totalment l-oppost, dawk ir-rigi differenti… wasal iż-żmien li nkunu kategoriċi.”

Il-Prim Ministru rrimarka li l-poplu jistenna li jara mill-politiċi dak is-sens ta’ lealtà, is-sens ta’ integrità u impenn b’ħafna ħidma. “Kull wieħed u waħda minna għandu dak l-impenn li jrid jagħti lura lil poplu inkluż bl-għoti tal-eżempju tajjeb.”

Meta kien qed jitkellem dwar il-Labour Migration Policy, Dr Abela qal li din qiegħda tkun diskussa f’livell ta’ eżekuttiv tal-pajjiż biex imbagħad tmur quddiem l-imsieħba soċjali fl-MCESD u wara ssir ukoll konsultazzjoni pubblika. Dan sabiex imbagħad jittieħdu d-deċiżjonijiet importanti favur l-interess ta’ pajjiżna.

Dwar is-sondaġġi li jsiru minn żmien għal żmien, il-Prim Ministru qal li lil hinn mis-sondaġġi, il-maġġoranza assoluta tal-poplu temmen li l-Partit Laburista fil-Gvern huwa l-aqwa forza politika, l-aqwa moviment politiku li jista’ jmexxi ‘l quddiem lil dan il-pajjiż mill-aspett ekonomiku, ta’ finanzi u titjib tal-kwalità tal-ħajja, iżda li jistgħu jkunu verżjoni aħjar tagħhom infushom.

Dr Abela tenna li huwa patt wieħed għamel f’ħajtu meta daħal f’din il-kariga nhar it-13 ta’ Jannar 2020, li jservi lill-poplu skont l-aqwa abiltajiet tiegħu. “Nemmen li filwaqt li żbalji saru, maġġorment dik il-wegħda li ħadt mal-poplu wettaqtha fi żmien ta’ governanza tajba, tal-pandemija, li l-poplu jkun imħares u protett mill-isfida tal-inflazzjoni fost oħrajn.”

“Xogħli huwa li ngħaqqad kemm niflaħ lil dan il-poplu”

Mistoqsi dwar Joseph Muscat, il-Prim Ministru qal li huwa għandu stima lejh bħala eks Mexxej tal-PL u eks Prim Ministru tal-pajjiż. Qal li hemm proċeduri li jridu jieħdu l-kors tagħhom.

“Xogħli bħala Mexxej u PM huwa li mhux noqgħod ngħid dak itfgħu fil-ġenb, nagħmel kruċjati kontra dak jew l-ieħor. Xogħli huwa li ngħaqqad kemm niflaħ lil dan il-poplu. Kull min lest jagħti kontribut ġenwin għat-titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies tal-poplu tagħna, kull min lest jagħti kontribut pożittiv, xogħli huwa li nisma lil kulħadd, nevalwa dak il-kontribut però fl-aħħar mill-aħħar niffokaw fuq it-titjib fil-kwalità tal-ħajja,” temm jgħid Dr Abela.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport