Saturday, November 9, 2024

Il-poplu taċ-Ċilì jivvota kontra l-abbozz ta’ kostituzzjoni ġdida minħabba li hija “radikali ħafna”

Aqra wkoll

Il-votanti taċ-Ċilì vvotaw b’saħħa kontra l-abbozz tal-kostituzzjoni l-ġdida li kienet se tieħu post dik li kienet saret taħt it-tmexxija militari tal-Ġeneral Augusto Pinochet. F’referendum li sar kważi 62% tal-votanti vvotaw kontra dan l-abbozz progressiv. Id-distakk tat-telfa kien ħafna ikbar minn dak li kien qiegħed jiġi indikat fis-sondaġġi pubbliċi. 

Fid-dawl ta’ dan, il-President taċ-Ċilì Gabriel Boric li appoġġja l-kostituzzjoni l-ġdida – qal li hu se jkun qiegħed jaħdem mal-kungress u s-soċjetajiet ċivili biex ikun hemm “proċess kostituzzjonali ġdid”.

Il-proċess biex l-kostituzzjoni tal-era militari tinbidel kien beda tliet snin ilu meta protesti kbar heżżew lil dan in-nazzjon li huwa meqjus bħala wieħed stabbli fir-reġjun tal-Amerika t’Isfel. Dakinhar kien sar referendum u kważi 80% vvotaw favur li l-kostituzzjoni tal-era militari tiġi mibdula. Iżda ġara li l-abbozz tal-kostuzzjoni l-ġdida li ġie ppreżentat quddiem il-poplu kien wieħed radikali f’għajnejn ħafna mill-votanti. 

Fost diversi affarijiet, dan l-abbozz kien qiegħed jipproponi li ċ-Ċilì jsir stat “plurinazzjonali” fejn id-drittijiet tal-popolazzjoni indiġena – li tammonta għal 13% tal-popolazzjoni – dwar l-artijiet u r-riżorsi tagħhom jiġu rikonoxxuti. Apparti hekk dan l-abbozz ippropona tibdil f’numru ta’ istituzzjonijiet taċ-Ċilì, fosthom li s-Senat jinbidel f’Kamra tar-Reġjuni. Tibdil ieħor propost kien dwar diversi drittijiet għan-nisa fosthom id-dritt tal-abort u li 50% tal-karigi f’istituzzjonijiet uffiċjali jridu jkunu okkupati minn nisa. 

Sport