Il-poplu tal-Pakistan qiegħed jiġi mitlub biex jikkonsma inqas te kuljum u dan biex l-ekonomija tal-pajjiż tingħata daqsxejn ta’ nifs. Il-ministru Ahsan Iqbal qal li jekk il-poplu jnaqqas l-ikkonsmar tat-te, dan iwassal biex il-Pakistan jimporta inqas te u b’hekk jiġu ffrankati ħafna flus.
Fil-preżent il-Pakistan qiegħed jiffaċċja problemi finanzjarji akuti u dan minħabba li r-riserva ta’ muniti barranin hija waħda baxxa immens. Kawża ta’ hekk il-Pakistan mhux qiegħed ikollu biżżejjed flus biex jimporta għadd ta’ prodotti essenzjali.
Il-Pakistan huwa l-ikbar importatur tat-te fid-dinja tant li s-sena li għaddiet biss dan il-pajjiż importa b’madwar $600 miljun f’te.
Fid-dawl ta’ dan, il-ministru qal li huwa jissuġġerixxi li kulħadd inaqqas l-ikkunsmar b’tazza jew tnejn kuljum hekk kif it-te qiegħed jiġi impurtat b’self. Apparti hekk huwa ssuġġerixxa li n-negozji għandhom ukoll jagħlqu l-ħanut sat-8.30 p.m. biex b’hekk jitnaqqas l-ikkunsmar tal-elettriku.