Sunday, April 20, 2025

Il-populiżmu Amerikan bi pressjoni fuq l-UE biex jeskludu liċ-Ċina

Aqra wkoll

F’dawn it-tlett xhur ta’ tmexxija minn Donald Trump rajna għadd ta’ deċiżjonijiet u dikjarazzjonijiet kontroversjali. Jekk nieħdu l-mod kif l-amministrazzjoni ta’ Trump irreaġixxiet fil-konfront tal-Ewropa, naraw li dawn sa ftit wara li bdew il-mandat ma ddejqux  jintervjenu f’elezzjonijiet ta’ pajjiżi Ewropej. Inħarġet id-dikjarazzjoni,  li ħolqot inċertezza sħiħa dwar Greenland. Ma’ dan imbagħad ġew imposti it-tariffi fuq l-Unjoni Ewropea. U issa qegħdin nisimgħu bil-pressjoni li qiegħda ssir fuq l-Unjoni Ewropea, biex jitwettaq il-pjan li jmiss – dak li l-Ewropea tibda teskludi liċ-Ċina.

Nemmnu li din hi xi ħaġa inaċċettabbli. L-Unjoni Ewropea għandha taħdem ma’ kulħadd. L-istess kif kien żball li l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tibda tarma ruħha u intervjeniet bl-armamenti fl-Ukrajna, hekk ukoll ikun żball jekk tingħaqad ma’ xi blokk, biex teskludi xi blokk ieħor. 

U min qiegħed jgħid dan il-messaġġ? Ħadd ħlief is-Segretarju tat-Teżor Scott Bessent. Kien proprju ftit jiem ilu li ddikjara li l-amministrazzjoni ta’ Trump issa se tkun qed taħdem biex tagħmel ftehimiet kummerċjali mal-alleati tagħha, u mbagħad tavviċina liċ-Ċina bħala grupp. Bessent ma’ qalx dan issa biss. Lura għas-sena 2022, hu kien diġa qiegħed jikteb u jitkellem fuq waħda mill-akbar affarijiet li għamel Trump. Skontu, dań kien il-fatt li qajjem lil Istati Uniti u lid-dinja mir-raqda biex bdew jifhmu il-periklu miċ-Ċina. Dikjarazzjoni tiegħu li qajmet kontroversja kienet tgħid li “l-aċċess għall-prodotti irħas mhux is-sustanza tal-ħolma Amerikana”.

Proprju ftit jiem ilu, kompla fuq din ir-retorika Oren Cass. Persuna magħrfu bħala vuċi ewlenija tal-populiżmu tal-lemin fl-Istati Uniti. Filfatt hu beda jħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex tingħaqad ma’ blokk kummerċjali mmexxi mill-Istati Uniti li jeskludi liċ-Ċina.

M’hemm ebda dubju li llum ir-relazzjoni bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina marru sew b’mod partikolari minn meta Trump impona tariffi addizzjonali  fuq iċ-Ċina fil-bidu ta’ April, li wassal għal risposta immedjata miċ-Ċina. 

Jekk imbagħad nieħdu ir-relazzjoni tal-Unjoni Ewropea maċ-Ċina naraw li din marret lura l-aktar minħabba u l-appoġġ taċ-Ċina għall-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna u kwistjonijiet kummerċjali li inqalgħu fl-aħħar xhur.

Is-sitwazzjoni kellha żvolta ġdida bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina meta tħabbru it-tariffi mill-Istati Uniti. Minn hemmhekk l-Unjoni Ewropea bdiet tara kif se ssaħħaħ il-komunikazzjoni diplomatika tagħha lejn iċ-Ċina f’tentattiv biex timmaniġġja l-konsegwenzi  mewġa tat-tariffi. Din il-mossa timmarka sforz strateġiku minn Brussell biex tipprevjeni ripetizzjoni ta’ xenarji ta’ devjazzjoni tal-kummerċ li raw matul l-ewwel mandat ta’ Donald Trump, fejn l-oġġetti Ċiniżi mdawra mis-suq Amerikan għarrqu l-Unjoni Ewropea. 

F’Lulju huwa mistenni mument kruċjali għar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina, meta l-Kummissjoni qed tippjana li tospita mexxejja Ċiniżi għal summit fi Brussell. 

Waqt li t-tama hi li minn dan is-summit naraw tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina, nemmnu li l-ekonomija globali għandha bżonn stabbilità. L-ekonomija globali ma tistax tibqa’ f’inċertezza li hawn bħalissa. It-tariffi impost mill-Istati Uniti ħolqu inċertezza madwar id-dinja kollha u l-effetti tagħhom għad iridu jinħassu inkluż f’pajjiżna. L-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina huma tnejn mill-akbar swieq tad-dinja. Nemmnu li għal Unjoni Ewropea triq waħda hemm. Mhux dik li tbaxxi rasha għall-pressjoni tal-Istati Uniti biex iċ-Ċina tkun eskluża, iżda li taħdem ma’ kull blokk ekonomiku.  

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport