In-nuqqas ta’ ħaddiema dejjem huwa negattiv u dan b’mod speċjali meta l-volum tax-xogħol mitlub ikun wisq biex jintlaħaq. Din il-problema narawha wkoll fil-ġurnata tal-lum. Però, il-problema tan-nuqqas ta’ ħaddiema mhuwiex fenomenu tal-preżent biss. Fil-fatt, f’dan iż-żmien 60 sena ilu L-ORIZZONT, il-ġurnal ta’ kuljum tal-UnionPrint, kien għamel bħala storja ewlenija fil-paġna ta’ quddiem sitwazzjoni gravi fil-portijiet ta’ Malta fejn kien ġie rrapportat li fil-Port il-Kbir kien hemm 23 vapur biex jidħlu imma kien hemm biss bdot wieħed jieħu ħsieb.
Fost il-vapuri rrapportati milquta minn nuqqas ta’ bdoti kien hemm iċ-“Citta di Livorno”, “Caltex”, “Colombo”, “Città di Messina”, “Empire Tern”, “Wiunen” u “Gervase”, li stennew barra l-port biex jidħlu ġewwa. Vapuri bħal “Queen Frederica”, “Devonia”, “Rodina”, “Alkas”, “Nevasa” u “Narin”, kienu kemm-il darba sejħu l-bdot biex joħorġu mill-Port mentri, it-tankers Filandiżi “Wipunen” u “Gervasleigh” kienu ppruvaw jidħlu fil-Port mingħajr bdot Malti.
“Diżorganizzazzjoni fil-Port il-Kbir”
F’dak deskritt bħala “diżorganizzazzjoni fil-Port il-Kbir” ir-rapport beda hekk: “Kwistjoni ta’ nuqqas ta’ bdoti fil-portijiet ta’ Malta, laħqet l-aqwa tagħha nhar il-Ġimgħa (li kien jaħbat l-4 ta’ Marzu, 1966), meta ‘l fuq minn 23 vapur fosthom tankers, tat-tagħbija u tat-turisti riedu joħorġu jew jidħlu fil-Port il-Kbir u għad-diżpożizzjoni tagħhom kien hemm bdot tal-port wieħed. Xi vapuri kellhom jistennew aktar minn ħames sigħat jitolbu l-assistenza tal-bdot. Żewġ tankers Filandiżi tant damu jistennew barra l-Port li kienu ddeċidew li jidħlu mingħajr bdot u wieħed minnhom kien diġà qabeż il-breakwater mingħajr bdot Malti abbord”.
Kien irrapportat li din id-diżorganizzazzjoni fil-Port il-Kbir ġabet diversi protesti qawwija minn sidien ta’ vapuri u l-aġenti tagħhom f’Malta. Hawn kien ġie kkwotat kelliem għall-aġenti li kien qal, “din il-ħela ta’ żmien minħabba nuqqas ta’ bdoti qed tqum ħafna flus lis-sidien tal-vapuri”. Ingħad ukoll li tankers li kellhom jidħlu fid-Drydocks ukoll kienu qegħdin jitilfu l-flus minħabba dewmien barra l-Port u ż-żmien limitat li jkollhom għat-tiswija fit-tarzna.
Il-bdot “ħaqqu midalja”
Ir-rapport kompla li barra n-nuqqas serju tal-bdoti, dakinhar mit-tliet bdoti “on duty”, tnejn minnhom kienu morda u bdot wieħed, is-Sur Emmanuel Darmanin, kellu jieħu ħsieb 23 vapur waħdu. Kelliem għas-sidien tal-vapuri kien qal li, “wara din id-diżorganizzazzjoni fil-Port, aħna bl-ebda mod ma neħduha kontra l-bdoti, anzi nhar il-Ġimgħa, is-Sur Darmanin ħaqqu midalja”.
Kien irriżulta li f’dak il-perjodu partikolari, il-bdoti Maltin kienu qegħdin jaħdmu 24 siegħa f’kull xift minħabba li n-numru tal-bdoti kien naqas għal tmienja biss. Wieħed mill-bdoti kien qal li wara l-gwerra fil-Port kien hemm 20 bdot li minn dawn naqsu 15. Jiġifieri, f’dan iż-żmien kienu laħqu biss tliet bdoti ġodda.
Ir-rapport kompla li, “il-bdoti qalu li kemm-il darba l-Gvern wegħdhom li se jżid in-numru ta’ bdoti għall-ewwel b’erbgħa oħra”. Il-bdoti Maltin għalkemm kienu jaqgħu taħt is-superviżjoni tal-Awtoritajiet tal-Port, kienu grupp indipendenti.
Minn informazzjoni mogħtija, madwar sena qabel il-bdoti kienu għamlu affidavit li resaq quddiem l-Avukat tal-Kuruna ħalli jkunu inkorporati mal-Gvern. Dan l-affidavit suppost li kellu jibda jaħdem l-għada, iżda l-Ministru responsabbli għall-Port dak iż-żmien, Dr G. Felice, qatt ma kien ta l-approvazzjoni tiegħu.
Fir-rigward il-bdoti, bis-sinċerità kollha, kienu ammettew li kien hemm każi li vapuri kellhom jistennew ‘il fuq minn tmien sigħat biex jidħlu fil-Port. Kienu stqarru li għalkemm huma kienu dejjem jagħmlu minn kollox biex jaqdu l-esiġenzi tax-xogħol b’diffikultajiet kbar.
Sitwazzjoni li ma kinitx se tittranġa malajr
Il-ġurnal L-ORIZZONT kien irrapporta li għad-diżpożizzjoni tal-bdoti kien hemm lanċa waħda biss u meta din kienet tkun bil-ħsara, il-bdoti kellhom jisselfu waħda mid-dwana meta jkollhom xi waħda żejda jew mhux użata minnhom fil-ħin li tkun mitluba.
Il-bdoti kienu wissew li jekk l-affarijiet ma jirrangawx, is-sitwazzjoni se tkompli tmur għall-agħar. Ir-rapport kien ġibed l-attenzjoni li mit-tmien bdoti, erbgħa minnhom kellhom ‘il fuq 60 sena u wieħed 68 sena. Il-kumment tal-għeluq kien ta’ osservatur tal-Port fejn kien qal li, “l-affarijiet baqgħu sejrin mill-ħażin għall-agħar u l-affarijiet ma jistgħux jiġu rranġati malajr billi għalkemm hawn nies kapaċi għal bdoti, dawn iridu ż-żmien biex jiġu mħarrġa għal dan ix-xogħol ta’ periklu, responsabbiltà u strapazz”.

