Il-Portugall rebħu l-UEFA Nations League għat-tieni darba meta fil-finali li ntlagħbet fl-Allianz Arena ta’ Munich għelbu lil Spanja 5-3 bl-għoti tal-penalties wara li spiċċaw fi draw ta’ 2-2.
Wara li kellhom bidu qawwi, fil-21 minuta, l-Ispanjoli marru fil-vantaġġ meta Martin Zubimendi approfitta minn clearance erratika biex xeħet il-ballun f’lasta vojta.
Iżda erba’ minuti wara, fl-ewwel attakk tagħhom, il-Portugall kisbu d-draw meta Nuno Mendes daħal fil-kaxxa u b’xutt fil-baxx sammar il-ballun fix-xibka.
Peró, fl-44 minuta, Spanja reġgħu ħadu l-vantaġġ meta Mikel Oyarzabal qabeż żewġ difensuri qabel ma għeleb lil Costa.
Madankollu, fil-61 minuta, il-Portugiżi rnexxielhom jiksbu d-draw meta Pedro Neto xeħet cross li ġie devjat għal ġol-kaxxa żgħira fejn Cristiano Ronaldo (ritratt) laħaq qabel Marc Cucurella u kien pront tefa’ fix-xibka.
Bil-partita tispiċċa f’paritá, kellha tmur għall-ħin barrani iżda lanqas hawn ma ġiet deċiża biex kellhom jingħataw il-penalties.
Għall-Portugall skorjaw Goncalo Ramos, Vitinha, Bruno Fernandes, Nuno Mendes u Ruben Neves … filwaqt li għal Spanja skorjaw Mikel Merino, Alex Baena, Isco iżda falla Alvaro Morata.
FRANZA JIKSBU T-TIELET POST
Franza kisbu it-tielet post ta’ din il-kompetizzjoni meta għelbu lill-Ġermanja bl-iskor ta’ 2-0 biż-żewġ goals jaslu wieħed f’kull taqsima.
Wara li fis-37 minuta, Florian Wirtz ġie mċaħħad mil-lasta, minuta qabel il-mistrieħ kien Kylian Mbappe li fetaħ l-iskor għal Les Bleus.
Imbagħad, sitt minuti mit-tmiem l-istess Mbappe approfitta minn żball ta’ Robin Koch u pprovda l-assist lil Michael Olise.