Is-Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni Jurgen Azzopardi semma kif fis-settur marittimu u dak tal-avjazzjoni nsibu, bħal kull settur ieħor, ħafna nies speċjalizzati, bħal fejn pereżempju jidħlu l-manutenzjoni ta’ ajruplani, jew f’Air Traffic Control jew piloti, u min-naħa l-oħra hemm nies tekniċi ħafna wkoll li jaħdmu fuq inġinerija kbira bħal quay cranes, vetturi jew inġenji kbar, industriji kritiċi għas-sigurtà kemm tan-nies kif ukoll għall-merkanzija.
“Ma nistax ma nsemmix il-marittima b’mod speċifiku għall-baħrin; tista’ tgħid li sfidi ġodda jfaqqsu kuljum, u minn hawn nirringrazzja lil Paul Falzon tax-xogħol kbir li jagħmel f’dan l-aspett. Ma nistax ma nsemmix it-tliet ftehimiet kollettivi li ngħalqu fl-aħħar sena, dawk ta’ EasyJet, Malta Air Traffic Services, u Medavia ftit tal-ġimgħat ilu. Ma’ dawn, ikun hemm ħafna u ħafna iktar rebħiet żgħar, kemm f’każijiet individwali kif ukoll kollettivi li forsi ma jkunux ħarġu b’mod pubbliku, bħal ftehimiet minħabba xi ingustizzji,” kompla jgħid Azzopardi.
Huwa rrifletta wkoll dwar iż-żmien meta kien jokkupa l-kariga ta’ Segretarju tat-Taqsima taż-Żgħażagħ, fejn qal li dak l-irwol u l-kariga li qed jokkupa issa, għalkemm differenti fil-qasam tagħhom, għandhom għan komuni: id-difiża tad-drittijiet tal-ħaddiema, l-edukazzjoni, il-potenzjal tal-vuċi kollettiva u biex nassiguraw li din l-unjin tibqa’ tkun effettiva.

