Wara li l-Police Officers’ Union (POU) fi ħdan il-General Workers’ Union ressqet ilment u ilha għal diversi ġimgħat f’taħditiet li, sal-lum qalet li ma waslu imkien, il-POU rreġistrat tilwima industrijali.
Hija qalet li qed tagħmel dan wara li baqgħu bla risposta rigward it-tfal tal-iskola ċioè li l-pulizija qed jispiċċa jmur mat-tfal tal-iskola meta dan jmur kontra l-ligi ta’ Malta.
Il-POU qalet li b’konsegwenza ta’ dan, qed jkun hemm madwar 70 pulizija nieqes mill-għassa. Żiedet tgħid li dan ix-xogħol huwa responsabbiltà tal-Kunsill Lokali u jista’ jsir faċilment minn entità oħra.
Il-POU tat numru ta’ direttivi lill-membri tagħha biss biex minn nhar is-Sibt fis-6.00a.m. ma tintlibisx beritta u l-Pulizija jista’ jħalli l-leħja.
Il-POU qalet li mhux eskluż li jekk l-affarijiet jibqgħu kif inhuma jiżdiedu d-direttivi.
Hija ħeġġet lill-membri tagħha jiimxu ma’ dawn id-direttivi u qalet li jekk xi ħadd jipprova jintimidahom biex ma jieħdux sehem jew ma jobdux id-direttivi, għandhom ikellmu lill-POU mill-ewwel. Sostniet li bħal dejjem, il-membri tagħha se jsibu lill-Union bħala tarka warajhom.
Temmet tgħid: “Ta’ min ifakkar li fl-ebda ħin ma tista’ tiġi rrappurtat għax qed tobdi d-direttivi, kif kien ġara meta l-POU konna ħriġna direttiva biex ma nħallsux it-€13.98. Dakinhar ħadd ma ġie rrappurtat għax hija leġittima.”