Saturday, November 23, 2024

Il-POU f’laqgħa mal-PM u mal-Ministru tal-Intern dwar il-pensjonijiet tal-Pulizija

Aqra wkoll

Il-kumitat tal-Police Officers’ Union ilbieraħ kellu laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela u mal-Ministru tal-Intern Byron Camilleri. F’din il-laqgħa, il-POU tkellmet mil-ġdid dwar il-kwistjoni tal-Pensjoni tal-Kuntistabblijiet li nħolqot wara l-konklużjoni tal-ftehim settorjali. Id-diskussjoni kienet waħda produttiva u l-partijiet ftehmu li se jkomplu jiddiskutu dwar din il-kwistjoni fiż-żmien viċin.

Tressqu wkoll proposti oħra marbutin mal-pensjonijiet li jinkludu:

Proposta biex Pulizija li jkunu servew fil-Korp għal 25 sena jieħdu l-pensjoni tat-teżor u jkollhom il-possibbiltà li jkomplu jservu fil-Korp. Din l-iskema tibqa’ tapplika sal-età massima pensjonabbli tas-servizz li hi ta’ 65 sena.

Proposta oħra hi marbuta li meta Pulizija li jkun qiegħed jirċievi l-pensjoni tas-servizz jiġi nieqes, din il-pensjoni tat-teżor tiġi ttrasferita lin-‘next of kin’ ta’ dik il-persuna.

B’referenza għal memorandum li ħareġ riċentement dwar it-tiġdid tal-vacation leave, il-POU għamlet talba li bħala wieħed mis-servizzi essenzjali fis-sitwazzjoni tal-Covid19, il-leave tal-membri tal-Korp għandu jiġi mġedded awtomatikament f’sitwazzjoni fejn dan ma jkunx possibbli li jittieħed din is-sena.

Ġie diskuss ukoll il-kontribut tal-membri tal-Korp fl-aħħar xahrejn, fejn il-POU stqarret li xtaqet tara aktar miżuri li jgħinu lill-ġenituri. Madankollu, il-POU rringrazzjat lill-Prim Ministru u lill-Ministru għall-iskemi pożittivi li ġew introdotti bħal dik tal-lodging alternattiv għal membri tal-korp li għandhom membri tal-familja li huma vulnerabbli.

Il-POU ħabbret li l-Prim Ministru u l-Ministru esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għall-ħidma tal-membri tal-Korp u rringrazzjaw lill-istess membri tas-servizz tagħhom.

Sport