Il-Kumitat Ċentrali tal-POU-GWU flimkien mad-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU, Kevin Camilleri, ltaqgħu f’laqgħa urġenti mal-Ministru Byron Camilleri.
F’din il-laqgħa, il-POU-GWU għamlet il-pożizzjoni tagħha ċara fejn infurmat lill-Ministru bis-sitwazzjoni attwali fil-Korp fejn il-membri li dejjem qegħdin jonqsu fin-numri ma jistgħux jibqgħu jagħmlu xogħol li ma jaqax fid-dekasteru tagħhom.
Għal din ir-raġuni, il-POU-GWU, infurmat lill-Ministru, li l-pożizzjoni tagħhom hija li l-preżenza tal-Pulizija fil-festi u f’attivitajiet simili għandha tkun biss biex tassigura l-buon ordni u mhux biex jagħmlu xogħol li b’mod ċar jaqa’ taħt entitajiet oħrajn bħal clearance tal-vetturi u mmaniġġjar tat-traffiku.
Il-partijiet ikkonċernati ftiehmu sabiex jiltaqgħu mill-ġdid fi żmien ġimgħa, fejn jekk ma jintlaħaqx ftehim ser jinħarġu direttivi għall-membri tagħhom.