Ix-xahar t’Ottubru huwa speċjali ħafna għall-anzjani għax huwa ix-xahar iddedikat lilhom. Intant, ilbieraħ, lukanda ewlenija ġewwa San Ġiljan, laqgħet fiha kemm EXPO kif ukoll iċ-ċerimonja tal-Premju Anzjanità Attiva 2025, żewġ attivitajiet li flimkien fakkru u ċċelebraw l-impenn, it-talent u s-sehem prezzjuż tal-anzjani fis-soċjetà tagħna.
Il-ġurnata bdiet b’EXPO organizzata miċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva li laqgħet numru sabiħ ta’ mistednin. Il-pubbliku kellu l-opportunità japprezza xogħlijiet magħmula mill-anzjani stess li, b’appoġġ mill-ħaddiema u sħabhom, irnexxielhom juru t-talenti tagħhom fil-ħidma manwali, arti, u attivitajiet oħra kreattivi.
L-attività żdiedet iktar ħajja b’wirjiet ta’ drama, line dancing, qari ta’ poeżiji, kant u żfin minn membri taċ-Ċentri ta’ Tas-Sliema, in-Naxxar, il-Mosta, Santa Luċija, Ħal Qormi, il-Belt Valletta, iż-Żurrieq, l-Imġarr, San Pawl il-Baħar, Marsaskala, il-Mellieħa, l-Isla u l-Birgu. L-EXPO kienet ukoll pjattaforma għal tagħrif dwar is-servizzi offruti mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC), b’stands informattivi u diskussjonijiet informali mal-pubbliku.
Iktar tard filgħaxija saret iċ-ċerimonja uffiċjali tal-Premju Anzjanità Attiva 2025; attività li turi r-rikonoxximent tal-Gvern lejn individwi u gruppi li b’mod konkret qed jagħtu sehem biex titrawwem l-Anzjanità Attiva f’Malta.
Iċ-ċerimonja, li saret fil-preżenza tal-President ta’ Malta, Jo Etienne Abela, Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, u Malcolm Paul Agius Galea, Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, għarfet l-isforzi li jsiru kuljum biex titkabbar kultura ta’ parteċipazzjoni, kura u valorizzazzjoni tal-anzjani tagħna.
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela qal kif il-Premju Anzjanità Attiva, ta’ kull sena jagħti rikonoxximent tax-xogħol li jsir mill-anzjani għall-anzjani. “Din hija attività importanti li tħalli l-frott tagħha, u nħeġġeġ aktar anzjani jkomplu jkunu attivi fil-komunità tagħna għax ċert li baqgħalhom ħafna x’joffru fil-qalb tal-komunitajiet,” temm jgħid Dr Abela.
Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea faħħar il-kontribut tal-anzjani u rringrazzja lil kull min ħa sehem, kemm bħala parteċipant kif ukoll bħala organizzatur, biex din il-ġurnata tkun xhieda ħajja tal-valur li l-Anzjanità Attiva għandha fis-soċjetà tagħna. “Nerġgħu nikkonfermaw l-impenn tagħna biex inkompli nsaħħu servizzi li jagħtu vuċi, għarfien u rispett lejn l-anzjani kollha f’pajjiżna,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.
Matul is-serata ġew ippremjati dawn ir-rebbieħa:
- Premju Innovazzjoni u Teknoloġija: VR Care Homes Project
- Premju Sportiva: Ms Theresa Bonello
- Premju Volontarjat: Ms Monika Cappello
- Premju Solidarjetà Interġenerazzjonali: Ms Mary Cauci, Ms Jennifer Sant, Ms Margaret Frendo u Ms Vicky Borg (Mellieħa AACC)
- Premju Kulturali: Mr Francis Zammit
- Premju Anzjanità Attiva: Mr Jean Pierre Azzopardi u Ms Liliana Azzopardi
Dawn il-premjijiet jirriflettu l-valuri u l-għanijiet tal-politika nazzjonali għall-Anzjanità Attiva, politika mmirata li tħeġġeġ il-parteċipazzjoni soċjali, l-indipendenza, u l-benesseri tal-anzjani f’kull qasam tal-ħajja.