Wednesday, January 15, 2025

Il-Presepju ta’ Betlehem 2024

Jikteb Patri Dijonsju Mintoff O.F.M.

Aqra wkoll

Nhar is-Sibt 7 ta’ Diċembru 2024, fis-sala Pawlu VI fil-Vatikan, il-Papa Franġisku ħa sehem fl-inawgurazzjoni tal-Presepju ta’ Betlehem. Dan il-presepju sar fuq l-inizjattiva tal-kumitat presidenzjali Palestinjan għall-Affarijiet tal-Knejjes, l-Ambaxxata Palestinjana għall-Vatikan, l-università Dar Al-Kalima li tinsab f’Betlehem u ċ-Ċentru Beitcharilo fil-Palestina. Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm ukoll Ramzi Khouri, membru tal-eżekuttiv tal-Organizzazzjoni għall-Ħelsien tal-Palestina u l-kap tal-Kumitat għall-Affarijiet tal-Knejjes. Ramzi Khouri wassal it-tislijiet tal-President tal-Awtorita tal-Palestina, Mahmoud Abbas.

Dan il-Presepju sar fuq disinn tal-artisti Johnny Andonia mill-università Dar al-Kalima u Faten Nastas Mitwasi, it-tnejn li huma Palestinjani. Ix-xena turi lill-Bambin Ġesù mdawwar mill-Verġni Marija u San Ġużepp u mqiegħed fuq maxtura mgeżwra fil-keffiyeh. Il-keffiyeh hi għata tar-ras kwadra magħmula mill-qoton u ċċangjata b’linji suwed fuq l-abjad li tradizzjonalment tintlibes mill-Palestinjani.

Dawn it-tliet statwi tnaqqxu minn siġar taż-żebbuġ minn Peter Khano. L-istatwi juru l-ħila li għandha din il-komunità fit-tinqix tal-injam taż-żebbuġ, sengħa li ilha l-bażi tal-ekonomija u sinjal tal-indentità kulturali ta’ din il-komunità sa mis-seklu 4. L-istatwi jinsabu fuq bażi tonda mdawra minn erba’ pilatri tal-injam twal 10 piedi. Fuq dawn il-pilatri hemm ċirku tond abjad magħmul mill-madreperla li fin-nofs tiegħu hemm il-kewkba ta’ Betlehem.

Din il-kewkba hi tal-istess xebħ tal-kewkba b’erbatax-il ponta li tinsab taħt l-altar fil-knisja tan-Natività f’Betlehem. L-erbatax-il ponta jirrapreżentaw l-erbatax-il ġenerazzjoni minn Abraham sa David u minn David sa Ġesù, kif naqraw fl-ewwel kapitlu tal-Vanġelu ta’ San Mattew. Mad-dawra ta’ dan iċ-ċirku hemm il-kitba bil-Latin “Gloria in excelsis Deo et in terra pax hominibus bonae voluntatis” u l-istess kliem miġjub bl-Għarbi. Dan iċ-ċirku bil-kewkba fin-nofs inħadem miċ-ċentru Piccirillo fil-belt ta’ Betlehem. Dan iċ-ċentru twaqqaf minn Patri Michele Piccirillo, Franġiskan fis-sena 2014 biex iżomm ħaj ix-xogħol ta’ artiġjanat billi jħarreġ żgħażagħ biex jagħmlu oġġetti artistiċi mill-injam taż-żebbuġa, ċeramika u xogħol bil-madreperla, sengħa li l-Patrijiet Franġiskani ġabu magħhom minn Damasku tul is-seklu 14. Fil-preżent jimpjegaw 20 ruħ.

F’riġlejn l-istatwi hemm tliet nagħġiet maħduma mis-suf minn tfal fi ħdan iċ-ċentru Ma’n Lilhyat, organizzazzjoni Kattolka ta’ karità li tipprovdi xogħol lil persuni b’diżabilità.

Matul din l-inawgurazzjoni żewġt itfal Palestinjani, rappreżentanti tal-Kumitat ippreżentaw kewkba ta’ Betlehem lill-Papa Franġisku magħmula mill-madreperla u għandha l-istess forma tal-kewkba ta’ Betlehem li tinsab fuq il-Prespju. Wara l-inawgurazzjoni ta’ dan il-Presepju saret quddiesa fil-kappella Angeli, immexxija mid-deputat Kustodju għall-Art Imqaddsa Patri Ibrahim Faltas, Franġiskan mill-Eġittu, Ibrahim Shomali, imwieled Betlehem, saċerdot li jagħmel parti mill-Patrijarkat Latin ta’ Ġerusalem u Monsinjur Marco.

Tul dan l-evveniment, il-Papa għamel sejħa biex tintemm il-vjolenza meta qal:”Biżżejjed gwerer, biżżejjed vjolenza. Ma tafux li l-iktar industrija li tagħmel profitt hi dik li tagħmel l-armi? Profitt mil-qtil. Daqshekk gwerer.”

Il-Papa kemm-il darba kkundanna l-gwerra li qed isseħħ f’Gaza, li faqqgħet fis-7 ta’ Ottubru 2023 meta militanti tal-Hamas attakkaw l-Iżrael qatlu 1.200 ruħ u ħadu bħala ostaġġi 251 persuna. Min-naħa tiegħu Iżrael irritalja billi għamel offensiva qawwija li wasslet biex jinqatlu iktar minn 40,000 Palestinjan u saret ħsara kbira fl-infrastuttura tal-post inkluż sptarijiet u fejn l-għajnuna umanitarja lill-milquta xxekklet mhux ftit. Fix-xahar ta’ Novembru 2023, il-Papa ltaqa’ ma’ familji Iżraeljani li xi membri tagħhom ittieħdu bħala ostaġġi mill-Hamas. Minn meta bdiet din il-gwerra f’Gaża, il-Papa għamel ħafna appelli ħerqana biex jieqaf il-ġlied, biex jinħelsu l-ostaġġi u jsibu t-triq tal-ftehim.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport