Monday, November 11, 2024

IL-PRESERVAZZJONI U L-ĦARSIEN TAL-WIRT KULTURALI

Aqra wkoll

F’diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż bħalissa għaddej xogħol ta’ restawr u manutenzjoni f’diversi knejjes, kappelli u wirt kulturali ieħor. Dan is-sajf rajna wkoll it-tlestija ta’ proġetti ta’ restawr flimkien ma’ oħrajn li nbeda xogħol
fuqhom.

Ħidma li ġiet innotata wkoll mill-Prim Ministru Robert Abela li stqarr li f’dawn l-aħħar ġimgħat intensifika x-xogħol fejn jidħol ir-restawr u l-preservazzjoni talwirt kulturali.

Nemmnu li l-wirt kulturali ta’ pajjiżna rridu nieħdu ħsiebu u nindukrawh. Dan għaliex il-gżejjer tagħna huma mogħnija b’karatteristiċi uniċi fl-ibliet u l-irħula tagħna u fl-istess ħin jagħmilna distint minn popli oħra.

Għalhekk il-wirt tanġibbli li għandna, bħal mużewijiet, knejjes, tempji u patrimonju ieħor importanti, irridu naraw li jibqa’ jingħata l-attenzjoni li tixraqlu
u fejn ikun hemm bżonn isir ir-restawr meħtieġ.

Ma nistgħux ma napprezzawx il-ħidma li qiegħda issir min-naħa tad-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, li qed ikompli bl-impenn tiegħu li jimplimenta u jwettaq ir-restawr, il-konservazzjoni
u r-rijabilitazzjoni tal-wirt arkitettoniku f’Malta.

Għandna d-dover li nħarsu dak l ħallewlna ta’ qabilna biex dan ilwirt uniku jinżamm u jiġi mgħoddi lill-ġenerazzjonijiet futuri. Nemmnu li dawn il-proġetti huma xhieda ta’ kemm iż-żamma u t-tħaris tal-wirt kulturali ta’ pajjiżna huwa ta’ prijorità għal dan il-Gvern.

Għalhekk, huwa importanti li kulħadd jagħmel il-parti tiegħu u nibżgħu għal dak li għandna. Wara kollox, dan il-qasam minnu nfih joħloq għadd ta’ benefiċċji fosthom li jtejjeb il-prodott turistiku u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti fil-komunitajiet tagħna.

Kif qal tajjeb il-Ministru Owen Bonnici, dawn l-isforzi ta’ restawr huma fundamentali biex dawn il-postijiet storiċi mhux biss jibqgħu rilevanti iżda wkoll iservu lill-komunità.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-konservazzjoni tal-wirt kulturali hi kruċjali sabiex jiġi assigurat li l-istorja u l-identità tagħna jibqgħu ħajjin.

Sport