Il-president ta’ Napoli Aurelio De Laurentiis jgħid li l-Partenopei huma l-aktar club onest u dejjem kienu kompetittivi.
It-Tnejn, De Laurentiis ingħaqad mal-iskwadra fil-Ġermanja, fejn it-Tlieta se jilagħbu kontra Eintracht Frankfurt valida mill-ewwel leg tal-Aħħar 16 tal-UEFA Champions League.
“Hija sorpriża li nara tant nies eċċitati dwar it-team ta’ Napoli li din is-sena għaddej minn forma brillanti.
“Ma rridx ngħid li aħna l-aħjar, iżda, bla dubju, aħna kompetittivi u l-aktar onesti.”
Bħalissa Napoli qed igawdu vantaġġ ta’ 15-il punt fuq l-eqreb rivali, Inter, fil-klassifika tas-Serie A, u resqin lejn l-ewwel rebħ tat-titlu wara nuqqas ta’ 30 sena.
Dan minkejja li qabel l-istaġun bosta kienu dawk l-opinjonisti li sostnew li Napoli kienu se jissieltu biex jirbħu post mal-ewwel erbgħa.
“Il-partitarji f’ħafna drabi jkollhom raġun, iżda ġeneralment, jilagħbu football virtwali,” qal De Laurentiis.
“Huma qrib tat-team b’qalb kbira, ruħ u … imħatri. Għandhom id-dritt li jgħidu li jridu, iżda aħna nafu kif taħdem is-sistema minn ġewwa. Fil-bidu tal-istaġun kont bassart li konna se nkunu sfidanti denji għar-rebħ tat-titlu.
“Għandna coach li jaf jagħmel xogħlu b’mod impekkabbli. Naturalment, ma jistax ikun jaf lil kull player fid-dinja. Il-caoches huma aktar ffukati fuq il-ground … mhux is-suq.”
Huwa kkonferma wkoll li Napoli kienu ilhom isegwu lill-attakkant mill-Georgia, Khvicha Kvaratskhelia, qabel il-pandemija tal-Covid-19.
“Konna rajnih tliet snin ilu iżda l-prezz mitlub kien ta’ €30m u konna tlifna €200m minħabba l-pandemija tal-Covid, u għalhekk ma stajniex naffordjawh f’dak il-perjodu,” temm jgħdi De Laurentiis.