Għalkemm huwa tajjeb li nfakkru l-ġrajja tal-Olokawst, m’għandniex nieqfu billi nirrakkuntaw biss dak li ġara; dan l-episodju għandu jservina ta’ okkażjoni biex inkunu iżjed viġilanti u nindirizzaw l-inġustizzji, irrispettivament mill-kulur tal-ġilda, is-sess u t-twemmin tal-persuni.
Saħaq dwar dan il-President ta’ Malta George Vella iktar kmieni llum waqt it-78 ċerimonja li tfakkar l-Olokawst — l-akbar ġenoċidju li ħasad il-ħajja ta’ miljuni ta’ nies innoċenti, sempliċiment għax kellhom twemmin reliġjuż differenti.
Fid-diskors tiegħu, il-President Vella kkundanna l-aġir li kien isir fl-era tan-Nażiżmu, filwaqt li sostna fuq l-importanza li nipproteġu l-ħajja ta’ kull individwu.
Preżenti kien hemm ukoll kelliema distinti li ddiskutew is-suġġett tal-Olokawst fejn kollha kemm huma qasmu fehma waħda: dik li m’għandniex inħallu storja bħal din terġa’ tirrepeti ruħha u li għandna nibqgħu nfakkru dan l-avveniment ta’ kull sena sabiex inkomplu nedukaw lill-ġenerazzjonijiet futuri dwar x’jista’ jiġri meta ssaltan il-mibegħda.