Friday, December 13, 2024

Il-President George Vella jaċċetta l-istedina tal-President Xi Jinping għal żjara fiċ-Ċina

Aqra wkoll

Il-President George Vella kellu telefonata mal-President tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, Xi Jinping, fl-okkażjoni tal-ħamsin anniversarju mill-istabbiliment tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn iċ-Ċina u Malta.

Iż-żewġ presidenti qablu li r-relazzjonijiet huma eżemplari u bbażati fuq ir-rispett reċiproku u d-djalogu. Huma laqgħu r-riżultati tanġibbli u l-kooperazzjoni estensiva matul dawn il-ħamsin sena, filwaqt li osservaw ukoll li r-relazzjonijiet huma bbażati fuq qafas ġuridiku sod li jkopri s-saħħa u l-mediċina, l-enerġija, l-ilma, l-edukazzjoni, il-kultura u ż-żgħażagħ.

Din il-kooperazzjoni ġiet estiża fl-aħħar xhur biex tinkludi wkoll miżuri mmirati lejn il-ġlieda kontra l-imxija tal-pandemija tal-COVID-19, permezz tad-donazzjoni ta’ tagħmir protettiv.

Il-presidenti tennew l-impenn komuni tagħhom li jieħdu dawn ir-relazzjonijiet għal-livell li jmiss anke fil-livell internazzjonali permezz ta’ appoġġ multilaterali reċiproku, b’mod speċjali fin-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll permezz tat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn iċ-Ċina u l-Unjoni Ewropea.

Ġew diskussi wkoll l-iżviluppi reġjonali bħal dawk fil-Mediterran u l-Lvant Nofsani, kif ukoll l-impenji meħuda minn Malta u miċ-Ċina biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima.

Il-President Xi Jinping stieden lill-President Vella għal żjara fiċ-Ċina matul din is-sena.

Il-President Vella laqa’ l-istedina u qal li tali żjara tipprovdi opportunità mill-aqwa biex jiġi ċċelebrat l-anniversarju storiku tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.

Ekonomija

Sport