Wednesday, April 24, 2024

Il-President itenni l-importanza tal-użu tal-ilsien Malti u korrett fl-okkażjoni tad-59 Anniversarju tal-Awtorità tax-Xandir

Aqra wkoll

Fl-okkażjoni tad-59 Anniversarju mit-twaqqif tal-Awtorità tax-Xandir, fil-Palazz ta’ Sant’Anton ġew ippreżentati l-pjan ta’ ħidma tal-10 snin li ġejjin kif ukoll studju dwar ir-rappreżentazzjoni tan-nisa u l-irġiel fi programmi ta’ ġrajjiet kurrenti.

F’indirizz lil dawk preżenti, il-President George Vella enfasizza l-importanza tal-użu tal-ilsien Malti fix-xandir bil-għan li jiġi rregolat sew il-Malti li jintuża, mhux biss mill-pubbliku li b’xi mod jew ieħor jipparteċipa fi programmi tar-radju jew tat-televiżjoni, imma anki mill-preżentaturi infushom. Saħaq li kulħadd, inkluż ix-xandara, għandhom irwol b’saħħtu ħafna, jekk mhux uniku, biex l-ilsien tagħna jiġi mħares bir-rispett u d-dinjità li jixraqlu.

Il-President fisser kif fis-sitwazzjoni tal-aħħar xhur fejn it-tixrid tal-informazzjoni korretta u f’waqtha kien kruċjali, kien importanti li l-Awtorità baqgħet tagħti s-servizz tagħha mingħajr ebda interruzzjoni.  “Is-servizz li tagħtu”, stqarr il-President, “huwa wieħed essenzjali, għax tirregolaw settur li sempliċiment, ma jiqafx.”

Il-President żied jappella biex bla ebda eċċezzjoni, tirrenja l-imparzjalità politika u jitwarrbu kull preferenza jew preġudizzju personali sabiex fil-ħidma tagħha, l-Awtorità tax-Xandir tkun pern ta’ stabilità, ġustizzja u kontabilità li fuqhom għandu jkompli jissaħħaħ il-vjaġġ demokratiku ta’ pajjiżna.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Awtorità tax-Xandir, is-Sur Frank Farrugia, elenka pjan ta’ ħidma għas-snin li ġejjin, bl-ewwel sfida tkun it-traspożizzjoni tad-Direttiva l-ġdida li tirregola s-servizzi tal-mezzi awdjoviżivi. Hu saħaq li l-awtorità trid tinvesti fir-riżorsi umani biex tkun tista’ tilqa’ għal servizzi ġodda li se jkunu qed jidħlu taħt il-kappa tagħha kemm mil-lat ta’ regolamentazzjoni kif ukoll mil-lat ta’ liċenzjar.

Żied jgħid li ħidma oħra għall-awtorità fis-snin li ġejjin tinvolvi l-eżerċizzju ta’ konsolidament tal-Att dwar ix-Xandir u Leġislazzjonijiet Sussidjarja sabiex il-liġi timxi pari passu mal-iżviluppi tal-industrija. 

Sport