Friday, December 13, 2024

Il-President jappella biex il-politika titwettaq b’kuxjenza għall-ġid tan-nies

Aqra wkoll

Il-President George Vella appella biex il-politika titħaddem għall-ġid tan-nies. Waqt it-tnedija tal-ktieb ‘Kollox  Politika? Governanza, Reliġjon, Ekonomija, Amministrazzjoni Pubblika’, miktub minn Dr Mario Thomas  Vassallo, il-President stqarr li l-politika ma teżistix f’vakwu. Fid-diskors tiegħu, il-President irrefera għall problemi etiċi, morali u ta’ kuxjenza li jaffaċċja l-politiku fl-implimentazzjoni tal-politika.  

Il-President qal li l-politika hija l-arti tat-tmexxija li tista’ tkun magħmula tajjeb u tagħti riżultati tajbin, iżda tista’  tkun magħmula bi traskuraġni, jew intenzjonalment ħażina. Saħaq fuq l-integrità, il-valuri, il-kontabilità u t trasparenza fil-politika.  

Il-President esprima apprezzament li l-ktieb, li jiġbor fih il-ħsibijiet ta’ 25 akkademiku u kontributur, ilkoll esperti  fil-qasam tagħhom, inkiteb bil-Malti – xhieda li l-lingwa Maltija tista’ titħaddem tajjeb f’oqsma differenti u  tekniċi bħalma hija x-xjenza politika.  

Il-President saħaq fuq l-importanza li l-akkademiċi jgħallmu politika korretta, imma daqstant ieħor importanti li  l-politiċi jimplimentaw il-politika b’kuxjenza.  

Il-ktieb jiffoka fost l-oħrajn fuq l-istorja politika, mudelli ekonomiċi, perspettivi soċjoloġiċi, kontribuzzjonijiet dwar l-Iżlam u t-tagħlim soċjali tal-Knisja, it-tiġdid fl-amministrazzjoni pubblika, u l-governanza.

Ekonomija

Sport