Il-President George Vella, akkumpanjat mis-Sinjura Miriam Vella, ħalla Malta kmieni dalgħodu għaċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tal-Logħob tal-Commonwealth li se ssir f’Birmingham fir-Renju Unit. Fost l-impenji tagħhom, il-President u s-Sinjura Vella għandhom laqgħa mad-29 atleta li se jikkompetu f’isem Malta u mistennija wkoll isegwu wħud mis-sessjonijiet ta’ taħriġ tal-atleti Maltin.
Matul iż-żjara ta’ erbat ijiem fir-Renju Unit, il-President u s-Sinjura Vella se jkunu qed iżuru sptar f’Oxford fejn jiġu rikoverati għall-kura pazjenti Maltin.
L-impenji tagħhom jissoktaw f’Londra fejn se jkunu qed iżuru lill-pazjenti u l-qraba tagħhom fl-appartamenti tal-Fondazzjoni Puttinu Cares u għand is-Sorijiet Franġiskani. F’Londra, il-President Vella se jiltaqa’ wkoll ma’ konsulenti Maltin li jipprattikaw il-professjoni tagħhom fi sptarijiet hemmhekk.
Sakemm il-President Vella jkun ir-Renju Unit, il-Professur Frank Bezzina se jservi fil-kariga ta’ Aġent President ta’ Malta.
Il-President u s-Sinjura Vella jiġu lura Malta fil-lejl bejn il-Ħadd, 31 ta’ Lulju, u t-Tnejn, l-1 ta’ Awwissu.