Sunday, December 22, 2024

Il-President jilmenta dwar prezzijiet esaġerati tal-mediċini ta’ kontra l-kanċer

Aqra wkoll

Fil-Jum Dinji kontra l-Kanċer, il-President George Vella ħa sehem f’konferenza diġitali organizzata min-National Cancer Platform.

Il-president irrikonoxxa l-avvanzi li saru fil-prevenzjoni, id-dijanjosi bikrija u l-kura kontra l-kanċer. Huwa tkellem dwar l-isfortuna li l-mediċini kontra l-kanċer qed jinbiegħu bi prezzijiet esaġerati, tant li kieku ma tingħatax għajnuna mill-gvernijiet jew minn organizzazzjonijiet volontarji, ma jkunux jistgħu jiġu wżati.

Dwar in-National Cancer Platform, il-president stqarr li l-fatt, “Li f’pajjiżna għandna daqshekk għaqdiet volontarji li jinteressahom joffru għajnuna lil ħutna milquta minn din il-marda qerrieda, huwa sinjal sabiħ ta’ kemm il-Maltin għandhom qalbhom taf tħenn”.

Il-president irringrazzja lil dawk kollha li volontarjament jaħdmu fl-għaqdiet rispettivi kif ukoll lill-poplu Malti li ma joqgħodx lura milli jgħin.

Il-president żied jgħid li l-ebda pazjent m’għandu jaħseb li jinstab waħdu u awgura li konferenza bħal din terġa’ titfa’ fostna sens ta’ għaqda u rieda ta’ ħidma konġunta fil-konfront tal-marda tal-kanċer.

Ekonomija

Sport