Tuesday, December 24, 2024

Il-President jiltaqa’ ma’ Dr Nayef Falah Al-Hajraf, Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf

Aqra wkoll

Il-President Vella ddiskuta s-sitwazzjoni reċenti fir-reġjun tal-Golf ma’ Dr Nayef Falah Al-Hajraf,  Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (GCC), fil-Palazz ta’ Sant’Anton. 

Il-President fakkar li r-relazzjonijiet bejn Malta u l-GCC bħalissa qed jissawru fil-qafas ta’  Memorandum ta’ Qbil li jinkludi wkoll pjan ta’ azzjoni li ġie ffirmat f’Jannar 2017. Saħaq dwar l importanza li Malta tagħti lir-relazzjonijiet mas-sħab fir-reġjun kif ukoll lill-Kunsill stess u żied jgħid  li l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-pjan ta’ azzjoni ser tagħti spinta tajba lejn din  id-direzzjoni.  

Il-President Vella osserva li Malta dejjem ħeġġet it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u  l-GCC. Malta tilqa’ t-twessigħ tar-relazzjonijiet permezz ta’ żieda fil-kuntatti bejn il-popli fl-oqsma  ekonomiċi, edukattivi u kulturali. 

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali ddeskriva lil Malta bħala pajjiż li ilu sieħeb tal-Kunsill għal  ħafna snin u li l-Kunsill jafdah, u żied jgħid li Malta hija meqjusa bħala l-bieb tal-membri għall Ewropa. Is-segretarju ġenerali ta ħarsa ġenerali tal-istat attwali tar-relazzjonijiet bejn il-membri tal Kunsill u qal li dawn issa ssaħħew f’numru ta’ oqsma. Huwa spjega wkoll il-pożizzjoni tal-GCC dwar  l-iżviluppi fil-Libja, fl-Afganistan u fil-Jemen kif ukoll ir-relazzjonijiet mal-Iran.  

Il-President Vella huwa mistenni li jżur ir-reġjun tal-Golf is-sena d-dieħla. 

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo akkumpanja lill-President Vella f’din  il-laqgħa.

Ekonomija

Sport