Sunday, November 24, 2024

Il-President jiltaqa’ mar-residenti li qed isegwu programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga barra mill-ħabs

Aqra wkoll

Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Vella ltaqgħu ma’ 11-il resident li bħalissa qed isegwu programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga tal-Caritas – il-Prison Inmates Programme – barra mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Uħud mir-residenti qasmu mal-President u mas-Sinjura Vella l-esperjenzi u d-diffikultajiet li affaċċjaw minħabba l-problema tad-droga, li kawża tagħha xellfu difrejhom mal-ġustizzja. Ilkoll fissru s-sens ta’ mħabba u l-għajnuna li sabu mill-ħaddiema ta’ Caritas Malta fid-dar f’Baħar iċ-Ċagħaq fejn qed isegwu l-programm rispettiv.

Waqt li rrimarka li hemm tama għal kulħadd, il-President Vella appella lir-residenti biex jużaw bl-aħjar mod l-okkażjoni li ngħataw biex joħorġu mill-problema tad-droga. Il-President innota li permezz tal-ħidma tal-ħaddiema u tal-voluntiera ta’ Caritas Malta, ir-residenti f’din id-dar qed jingħataw togħma ta’ x’inhi n-normalità: li jirrispettaw wieħed lill-ieħor; ta’ kif wieħed jagħder; u fuq kollox is-sens ta’ mħabba.

F’kumment fi tmiem iż-żjara, il-President Vella stqarr li kienet esperjenza li tikkomovik. Filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema tal-Caritas, qal li l-għan taż-żjara ma kienx li jsir xi ġudizzju fuq ir-residenti, imma li jagħmlilhom kuraġġ.

Il-Prison Inmates Programme ta’ Caritas Malta għal persuni li qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs u li għandhom problema ta’ droga nibet mill-programm San Blas u beda jopera b’mod indipendenti fl-1998. Permezz ta’ dan, il-priġunieri jingħataw permess speċjali biex isegwu l-programm ta’ għaxar xhur f’ambjent ta’ dar u li matulu jingħataw l-opportunità li jaħdmu. Hawnhekk ir-residenti jsegwu wkoll programm ta’ edukazzjoni u sessjonijiet terapewtiċi fejn jiksbu l-ħiliet bażiċi għall-ħajja.

Sport