Thursday, December 26, 2024

Il-President jinawgura s-sede l-ġdida tal-MUMN

Aqra wkoll

Il-President ta’ Malta George Vella inawgura s-sede l-ġdida tal-Malta Union of Midwives and Nurses (l-MUMN) f’Ħal-Qormi. Il-ftuħ sar fil-jum li fih qed jiġi ċċelebrat il-25 anniversarju tat-twaqqif tal-unjin.

Qabel ma kixef lapida ta’ tifkira li tbierket mill-Arċisqof ta’ Malta Mons. Charles J. Scicluna, il-President awgura li, bis-saħħa ta’ din il-binja l-ġdida, l-MUMN ikollha aktar spazju fejn twettaq l-għanijiet tagħha sabiex tkun dejjem ta’ appoġġ għall-ħaddiema li tirrappreżenta

B’hekk, il-pazjenti jibqgħu jirċievu l-aħjar attenzjoni possibbli. Faħħar il-ħsieb wara l-Florence Nightingale Benevolent Fund, li jkun ta’ wens għal dawk il-membri tal-unjin li jkunu huma stess għaddejjin minn problemi ta’ saħħa. Innota wkoll bi pjaċir il-fatt li l-MUMN għarfet l-importanza tat-tagħlim kontinwu fl-iżvilupp professjonali tal-membri tagħha u waqqfet il-‘Learning Institute for Healthcare Professionals’. Wera apprezzament għall-fatt li f’din l-istituzzjoni qed jiġu offruti wkoll servizzi ta’ għajnuna fil-qasam tas-saħħa mentali. 

“Illum qegħdin hawn biex nagħtu ġieħ lill-infermiera u l-qwiebel kollha f’pajjiżna,” qal il-President. “Jekk nirriflettu ftit, in-nies f’dawn il-professjonijiet isegwuna tul ħajjitna kollha – mit-twelid għal kull meta jkollna bżonn interventi mediċi matul ħajjitna. Il-pandemija tal-Covid-19 urietna l-valur imprezzabbli tax-xogħol tal-ħaddiema tas-settur tas-saħħa. Rajna kif, fil-kriżi globali li għaddejna u għadna għaddejjin minnha, huma kienu u għadhom fuq quddiem nett, f’pajjiżna bħal f’kull pajjiż ieħor, sabiex bil-ħiliet u d-dedikazzjoni tagħhom jaraw li kulħadd jibqa’ jingħata l-kura li għandu bżonn.”

Huwa rringrazzjahom f’isem il-poplu kollu talli ma qatgħux qalbhom u talli dejjem żammew f’moħħhom li l-kura tal-pazjenti għandha tiġi l-ewwel u qabel kollox.

Il-President, li kien akkumpanjat mis-Sinjura Vella, faħħar ix-xogħol siewi li jsir mill-unjins li, qal, ma jfissirx biss l-akkwist ta’ drittijiet aħjar għall-ħaddiema iżda wkoll kontribut għall-iżvilupp ta’ liġijiet industrijali aħjar li, finalment, jgħinu biex  tissawwar  demokrazija industrijali aktar b’saħħitha u f’aktar paċi industrijali.

Huwa rrimarka li l-preżenza tiegħu għall-inawgurazzjoni tas-sede l-ġdida tal-MUMN m’għandhiex tiġi interpretata bħala li b’xi mod qiegħed jitfa’ l-piż tiegħu fuq xi naħa jew oħra fit-tilwim industrijali li għandhom għaddej bħalissa.

Filwaqt li rrimarka li hija sfortuna li dan l-anniversarju ħabat proprju f’dawn iċ-ċirkustanzi, appella biex mill-aktar fis possibbli jinstab mod ta’ kif issir rikonċiljazzjoni.

Huwa awgura li madwar il-mejda tad-diskussjonijiet, b’rieda tajba miż-żewġ naħat u b’dispożizzjoni għall-kompromess, jinstabu s-soluzzjonijiet meħtieġa sabiex il-pazjenti – li huma dawk li jiddependu tant mis-servizzi tal-qwiebel u l-infermieri – ma jintlaqtux ħażin, u l-interessi tagħhom jinżammu fuq nett fil-prijoritajiet tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa.

Ekonomija

Sport