Friday, March 13, 2026

Il-President Myriam Spiteri Debono bi żjara fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Aqra wkoll

Il-President ta’ Malta l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono għamlet żjara fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fejn kienet akkumpanjata mill-Ministru tal-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi Christopher Siegersma, mill-Kap tal-Operat tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, il-Kurunell Etienne Scicluna u mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Joyce Dimech.

Kif talbet, il-President żaret id-diversi servizzi u faċilitajiet partikolarment intiżi biex jgħinu r-riabilitazzjoni tar-residenti. Ir-residenti għandhom l-opportunità li jitgħallmu snajja’ u wkoll jippreparaw ruħhom akkademikament biex jiffaċċjaw il-ħajja barra l-ħitan tal-Faċilità.

Hija rat il-hub edukattiv minn fejn jingħataw is-servizzi edukattivi u ta’ tagħlim, il-klinika, u l-kappella. Żaret il-kċina u l-forn (bakery) fejn flimkien mal-persuni mħarrġa, ir-residenti ta’ kuljum jippreparaw l-ikel għal kulħadd u fl-istess waqt ikunu qed jitħarrġu fis-sengħa.

Fil-workshops tal-mastrudaxxi waqt li kienu qed jitgħallmu s-sengħa, ir-residenti kienu qed jaħdmu fuq għamara li ser tintuża sabiex jiġu mgħammra l-appartamenti li Puttinu Cares qed jibnu ġo Londra. 

L-Eċċellenza ltaqgħet ukoll personalment u tkellmet ma’ numru ta’ priġunieri li qegħdin fi stadju differenti tas-sentenza tagħhom, sentenzi mogħtija għal reati differenti, u wkoll ma’ numru li għadhom jistennew is-sentenza.

Il-President kellha wkoll laqgħa mat-tmexxija tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi.

Jakkumpanjaw lill-President f’din iż-żjara kien hemm is-Segretarju tal-Presidenza Moira Attard u l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-President Reuben Sciberras.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport