Friday, November 15, 2024

Il-President Pollakk Andrzej Duda b’rebħa marġinali

Aqra wkoll

Il-President Pollakk Andrzej Duda għeleb lir-rival politiku tiegħu Rafal Trzaskowski b’vantaġġ marġinali fil-vot li ttieħed ilbieraħ fl-elezzjoni presidenzjali.

Il-Kummissjoni Elettoralli Pollakka qalet li Duda kiseb 51.2% tal-voti tal-elettorat.

It-turnout kien ta’ 68.2%, l-ogħla turnout fl-istorja tal-Polonja minn wara l-era Komunista.

Il-vot kien meqjus bħala battalja għall-futur tal-pajjiż kif ukoll għar-relazzjonijiet futuri mal-Unjoni Ewropea.

Duda huwa konservattiv alleat mal-Gvern immexxi mill-partit nazzjonalista “Liġi u Ġustizzja” (PiS). Trzaskowski min-naħa l-oħra huwa s-sindku soċjo-liberali tal-belt ta’ Varsavja.

Ir-rebħa ta’ Duda mistennija li twassal għal aktar riformi kontroversjali fil-ġudikatura. Dan filwaqt li mistenni jkompli jopponi d-drittijiet għall-abort u favur l-omosesswalità.

L-Oppożizzjoni, immexxija mill-grupp “Pjattaforma Ċivili”, li kienet qed tappoġġja lil Trzaskowski, f’kummenti lill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters qalet li qed tiġbor informazzjoni dwar irregolaritajiet elettorali, fosthom Pollakki li kienu jinsabu barra l-pajijż li ma rċevewx il-vot fi żmien adegwat biex ikunu jistgħu jieħdu sehem fl-elezzjoni.

Ekonomija

Sport