Il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono laqgħet b’sodisfazzjon il-Viżjoni Malta 2050. Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-President, intqal li l-Eċċellenza Tagħha laqgħet dan l-eżerċizzju b’mod pożittiv u rrimarkat dwar il-mod li bih qed ikun propost li tiġi mkejla l-kwalità tal-ħajja u enfasizzat l-importanza li jitrawwem ħsieb kritiku fost il-ġenerazzjonijiet li qed jikbru.
Il-President fakkret ukoll kif, minħabba ċ-ċokon fiżiku tal-pajjiż u l-iskarsezza tar-riżorsi naturali, il-poplu Malti dejjem wera reżiljenza, u stqarret li din għandha tibqa’ tkun il-bażi għal futur sostenibbli, b’importanza tingħata lill-innovazzjoni u l-kreattività.
Il-President qalet dan waqt laqgħa li kellha ma’ delegazzjoni tal-Gvern li ppreżentatilha d-dokument ta’ konsultazzjoni dwar il-Viżjoni Malta 2050 – direzzjoni strateġika għal pajjiżna sal-2050, b’miri li għandhom jintlaħqu sal-2035.
Matul il-laqgħa, il-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, li mexxa d-delegazzjoni, ta preżentazzjoni fid-dettall dwar x’nibbet il-ħsieb wara din il-Viżjoni nazzjonali, kif ukoll il-pedamenti prinċipali ta’ din il-Viżjoni fit-tul, imsejsa fuq erba’ pilastri:
• Tkabbir Ekonomiku Sostenibbli
• Servizzi Aċċessibbli li jqiegħdu liċ-Ċittadin fiċ-Ċentru
• Pajjiż Reżiljenti b’Sistema ta’ Edukazzjoni Moderna
• Użu Intelliġenti tal-Art u l-Baħar
Il-Ministru Schembri enfasizza li l-Viżjoni mhix biss dokument ta’ aspirazzjonijiet għall-2050, iżda tinkludi wkoll miri speċifiċi sal-2035. Huwa saħaq li l-kejl tas-suċċess mhux se jibqa’ jissejjes biss fuq il-prodott domestiku gross (GDP), iżda se jinkludi tliet indiċi ġodda, rikonoxxuti mill-Ġnus Magħquda u l-Eurostat, li jiffukaw fuq il-kwalità tal-ħajja tal-individwu.
Il-Ministru Schembri elenka wkoll il-fażijiet varji tal-konsultazzjonijiet li diġà saru, u spjega kif il-fażi tal-konsultazzjoni pubblika fuq il-Viżjoni Malta 2050 tibqa’ miftuħa sad-9 ta’ Settembru 2025, fejn il-pubbliku qed jiġi mħeġġeġ jagħti l-kontribut tiegħu fuq: envision2050.gov.mt.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Tony Sultana, li fisser kif l-amministrazzjoni pubblika trid tkun strumentali għall-implimentazzjoni ta’ din il-Viżjoni li teħtieġ koordinazzjoni kontinwa fuq il-livelli u s-setturi kollha tal-Gvern.
Fl-istess laqgħa pparteċipaw ukoll is-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mill-istess Viżjoni, is-Sur Ronald Mizzi, id-Deputat Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, is-Sur Tyson Fenech, is-Sur Anthony David Gatt mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u s-Sinjura Roberta Albanese Dalli, Kap tas-Segretarjat tal-Ministeru tal-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi.
Akkumpanjat lill-Eċċellenza Tagħha matul l-istess laqgħa s-Sinjura Moira Attard, is-Segretarju tal-Presidenza, kif ukoll is-Segretarju Privat tagħha, is-Sur Christian Vella Masini.