L-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, laqgħet lill-atleti ta’ Special Olympics Malta fil-Palazz ta’ San Anton, hekk kif l-organizzazzjoni volontarja qed tikkommemora l-25 anniversarju mit-twaqqif tagħha. L-Eċċellenza Tagħha kienet akkumpanjata mill-President ta’ Special Olympics Malta, Dr Lydia Abela, kif ukoll mid- Direttur Nazzjonali, is-Sinjura Anna Calleja.
Meta indirizzat lill-atleti, il-President fissrithom bħala eżempju ta’ kuraġġ u reżiljenza għal ċittadini oħra, irringrazzjathom għall-kontribut li jagħtu lill-pajjiż u lis-soċjetà, u nkoraġġiethom biex iħarsu ‘l quddiem u ‘l fuq u jkunu ċittadini attivi. Il-President irringrazzjat ukoll lill-Kumitat ta’ Special Olympics Malta, u l-voluntiera li jassistu lill- atleti, tad-dedikazzjoni tagħhom.
Fl-indirizz tagħha, il-President ta’ Special Olympics Malta, Dr Lydia Abela, enfasizzat li din is-sena l-organizzazzjoni mhux biss qed tfakkar kisbiet u memorji mill-passat, iżda fuq kollox qed tirrifletti l-vjaġġ kollettiv tal-poplu Malti lejn iktar inklużjoni, dinjità u rispett lejn persuni b’diżabilità intellettwali.
Dr Abela tenniet “F’isem aktar minn 2,500 atleta, Special Olympics Malta turi sens qawwi ta’ gratitudni lejn l-Istat u l-poplu Malti u Għawdxi għas-sostenn kontinwu lejn il-missjoni tagħna – dik li ngħinu fl-iżvilupp sħiħ ta’ persuni b’diżabilità intellettwali, kemm f’dak relatat mas-saħħa fiżika kif ukoll mal-benessri mentali tagħhom.”
Dr Abela kkonfermat ukoll l-impenn kontinwu ta’ Special Olympics Malta biex tappoġġja l-atleti wkoll fl-aspetti ta’ saħħa mentali, u ħabbret li matul din is-sena se jitnieda programm speċjalizzat ġdid bl-isem “Strong Minds”, li għandu l-għan li jipprovdi appoġġ u sapport dwar saħħa mentali waqt l-iżvilupp sportiv tal-atleti.