Monday, November 11, 2024

Il-President ta’ Malta u s-Sinjura Vella jżuru lill-pazjenti Maltin għall-kura f’Londra

48 pazjent Malti bħalissa qed jingħataw il-kura f’diversi sptarijiet speċjalizzati f’Londra.

Aqra wkoll

Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Miriam Vella żaru lil uħud mill-pazjenti Maltin u kellhom laqgħat ma’ professjonisti li jsegwu l-każijiet ta’ dawn il-pazjenti. Il-President Vella qal li l-għan ewlieni ta’ din iż-żjara huwa li jkun qrib il-pazjenti u l-familji tagħhom f’mument diffiċli f’ħajjithom.

Akkumpanjati mis-Sur John Huber, Chairman tal-Bord tal-Amministraturi tal-Malta Community Chest Fund (MCCF), il-President u s-Sinjura Vella żaru l-isptarijiet Great Ormond Street f’Londra, li jispeċjalizza fil-kura tat-tfal, Royal Marsden f’Sutton, li huwa wieħed miċ-ċentri ewlenin fil-kura tal-kanċer fid-dinja, u d-dipartiment tal-Onkoloġija Ġinekoloġika fl-isptar Royal London.

Fl-isptar Great Ormond Street din is-sena ġew rikoverati 76 tifel u tifla minn Malta. Bħalissa qed jingħataw il-kura erbat itfal, l-iżgħar wieħed tarbija ta’ ftit xhur. Sadanittant, minn Jannar ‘l hawn, 67 pazjent minn Malta telgħu Sutton għall-kura fl-isptar Royal Marsden.

Il-President Vella kellu laqgħat ukoll mat-tobba u l-konsulenti f’Londra, li ħafna minnhom għandhom taħt il-kura tagħhom pazjenti Maltin. “Nieħu gost nisma’ kif jagħtu dan is-servizz bi mħabba. Ħafna minnhom isiru jafu Malta sew u jżommu kuntatt kontinwu mal-konsulenti f’Malta”, qal il-President.

F’Londra, il-President u s-Sinjura Vella ltaqgħu wkoll mal-pazjenti u l-qraba tagħhom li qed jgħixu fl-appartamenti tal-Fondazzjoni Puttinu Cares f’Sutton u fir-residenza tas-Sorijiet Franġiskani. Is-Sur John Huber spjega li l-MCCF tgħin lil dawn il-familji fl-ispejjeż fost oħrajn tat-trasport, tal-akkomodazzjoni, tal-ikel u l-bżonnijiet bażiċi ta’ kuljum tal-qarib li jkun qed jakkumpanja lill-pazjent.

L-ispejjeż tal-MCCF qed ikomplu jiżdiedu, l-aktar minħabba l-prezzijiet tal-mediċini tal-onkoloġija. Il-President Vella qal li aktar minn 80% tal-ispejjeż tal-MCCF huma marbuta ma’ dawn il-mediċini speċjalizzati. “Dawn huma l-aħħar li jkun hemm fis-suq, l-iktar li huma għoljin u ovvjament l-individwu ma jkunx jiflaħ jixtrihom.

Aħna nagħmlu minn kollox biex naqduhom. Lanqas jgħaddili minn rasi li ngħidu lil xi ħadd m’għandniex biex nagħtuhomlok,” qal il-President waqt li tenna l-appell biex il-poplu jkompli jgħin lill-MCCF.

L-għada tal-Milied, se tittella’ s-27 edizzjoni ta’ L-Istrina biex jinġabru fondi għall-MCCF.

Sport