Il-president ta’ Napoli, Aurelio De Laurentiis, tkellem dwar il-futur tal-attakkanti, Victor Osimhen u Khvicha Kvaratskhelia, li bħalissa qed ikunu strumentali għat-team tiegħu.
Dan l-istaġun, dawn iż-żewġ players qed ikunu l-protagoisti fil-kampjonat Taljan hekk kif bħalissa l-Partenopei qed igawdu vantaġġ ta’ 15-il punt fil-quċċata tal-klassifika wara 23 partita.
Huma jinsabu wkoll f’pożizzjoni tajba li jikkwalifikaw għall-kwarti-finali tal-UEFA Champions League meta fl-ewwel leg tal-Aħħar 16 huma għelbu lil Eintracht Frankfurt barra minn darhom bl-iskor ta’ 2-0.
Meta wara l-logħba, De Laurentiis kien mistoqsi dwar jekk Napoli humiex se jżommu lil Osimhen u Kvaratskhelia wara dan l-istaġun, huwa wieġeb:
“Mhux se jkun diffiċli li nżommu lill-aqwa plejers tagħna, minħabba li l-kuntratti huma fit-tul … iżda fid-dinja qatt ma tista’ tgħid ‘qatt’. Infatti jekk xi club joffri somma stratosferika għal wieħed minn dawn il-players ikun ifisser li npoġġu bilqiegħda madwar mejda.
“Peró, irrid nagħmilha ċara li dawn iż-żewġ players mhumiex għall-bejgħ.”