Il-President tal-fergħa tan-nisa tal-Partit tas-Soċjalisti Ewropej, PES Women, Zita Gurmai faħħret l-impenn li qed juri Gvern Laburista biex isaħħaħ id-drittijiet tan-nisa u l-involviment tagħhom f’oqsma varji tas-soċjetà. Meta kienet qed tindirizza l-laqgħa statutorja ta’ PES Women li tlaqqgħet illum fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun, hija rrimarkat kemm in-nisa għandhom rwol importanti fost l-oħrajn fil-qasam tar-riċerka internazzjonali u l-innovazzjoni.
Fil-ftuħ tal-laqgħa statutorja tas-Sibt filgħodu, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba sostna li l-Att dwar is-Servizzi Diġitali kien kisba importanti biex tittieħed azzjoni kontra kull tip ta’ kontenut illegali li jittella’ online. Irrefera għall-ideoloġiji perikolużi tal-Lemin Estrem fosthom minn politiċi bħal Le Pen fi Franza, Meloni fl-Italja u Weidel fil-Ġermanja li flok qed jimbuttaw ‘il quddiem il-kisbiet li għamlu n-nisa tul is-snin fejn tidħol l-ugwaljanza bejn is-sessi, qegħdin ireġġgħu l-arloġġ lura.
Il-President tal-Partit Laburista, Alex Sciberras qal li l-Partit Laburista bħala parti mill-familja Soċjalista, għandu jinvesti f’tibdil kulturali u fir-riforma legali. Aċċenna għal iktar miżuri favur il-familja, għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, li jħajru iktar lin-nisa jidħlu fil-politika u f’karigi għoljin. Elenka lista ta’ kisbiet fl-aħħar snin fil-qasam tal-ugwaljanza, l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu korrettiv fil-Parlament u ċ-childcare bla ħlas.
Is-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista, John Grech qal li llum aktar minn qatt qabel il-Partit Laburista jinsab kburi bil-progress li sar fl-ugwaljanza. Saħaq li jsir kemm isir progress qatt m’huwa biżżejjed. Grech qal li l-Partit Laburista huwa kommess li kompli jaħdem favur il-valuri soċjali u l-progress.
Il-President ta’ Nisa Laburisti Nikita Alamango tkellmet dwar ir-rwol tan-nisa fit-teknoloġija u sostniet li n-nisa m’għandhomx biss jużaw it-teknoloġija iżda għandu jkollhom irwol ewlieni fil-ħolqien tagħha. Saħqet li l-inklużjoni għandha tkun fiċ-ċentru tal-progress diġitali, biex jinbena futur sod għal kulħadd.
Fid-diskors tal-għeluq tad-diskussjoni pubblika bit-tema ‘Ir-Rwol tan-Nisa fit-Teknoloġija’, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg qalet li l-Partit Laburista, bħala partit soċjalista, dejjem kien fuq quddiem nett fil-kisbiet għall-ugwaljanza. Sostniet li jeħtieġ inkunu ta’ eżempju, partikolarment għall-bilanċ bejn is-sessi fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika. Spjegat li jeħtieġ nindirizzaw id-distakk bejn il-ġeneri fl-oqsma tal-STEM, biex in-nisa ma jibqgħux fil-periferija f’dawn l-oqsma.
Fid-diskussjoni saru għadd ta’ interventi u rakkomandazzjonijiet minn esperti nisa fil-qasam tat-teknoloġija, kif ukoll mill-udjenza. Din kienet parti minn ġurnata ta’ taħditiet li fihom ħadu sehem mal-20 membru tal-eżekuttiv ta’ PES Women għal-laqgħa statutorja ta’ ġurnata li saret illum f’Malta.