Tuesday, November 26, 2024

Il-President ta’ Sri Lanka ħarab b’ajruplan militari lejn il-Maldives

Aqra wkoll

Il-President ta’ Sri Lanka, Gotabaya Rajapaksa, ħarab mill-pajjiż permezz ta’ ajruplan militari u dan hekk kif fil-pajjiż komplew jintensifikaw id-dimostrazzjonijiet kawża tal-kriżi ekonomika. 

Il-qawwa tal-arju tal-pajjiż ikkonfermat li l-president ta’ 73 sena telaq lejn il-Maldives flimkien ma’ martu u żewġ uffiċjali tas-sigurtà. Fin-nuqqas tiegħu huwa appunta lill-Prim Ministru Ranil Wickremesinghe bħala Presi­dent proviżorju. 

It-tluq ta’ Rajapaksa ġab fi tmiemha d-dinastija tal-familja tiegħu li ddominat l-politika tas-Sri Lanka għal dawn l-aħħar żewġ deċennji. Il-President ilu għal diversi jiem mistoħbi wara li r-residenza uffiċjali tiegħu ġiet okkupata mid-dimostranti. Sorsi qrib BBC qalu li Rajapaksa mhux se jibqa’ fil-Maldives u għandu l-intenzjoni li jitlaq lejn pajjiż ieħor. Ħuh, l-eks Ministru tal-Finanzi Basil Rajapaksa, wkoll telaq minn Sri Lanka u hu mifhum li se jmur lejn l-Istati Uniti. 

Fid-dawl tal-instabbiltà kollha li għaddej minnha l-pajjiż, il-Prim Ministru ta’ Sri Lanka Ranil Wickremesinghe ddikjara stat ta’ emerġenza madwar il-pajjiż kollu u impona curfew fil-provinċji tal-Punent. Fl-aħħar sigħat kien hemm rapporti wkoll ta’ pulizija li sparaw gass ta’ dmugħ fuq dimostranti li kienu qed jipprotestaw qrib l-uffiċċju tal-Prim Ministru u kienu mexjin lejn il-parlament. Huma bosta dawk iċ-ċittadini li jinsabu rrabjati ferm li Rajapaksa għażel li jaħrab mill-pajjiż hekk kif skonthom dan huwa turija ċara ta’ nuqqas ta’ kontabbiltà. Dwar dan, dimostrant partikolari qal, “ma togħġobniex… aħna ridna nżommuh… aħna rridu flusna lura! Irridu li r-Rajapaksas kollha jitpoġġew f’ħabs miftuħ u jiġu mġiegħla jagħmlu xogħol fl-għelieqi.”

Iċ-ċittadini ta’ Sri Lanka qed jitfgħu l-ħtija tal-kriżi ekonomika fuq l-amministrazzjoni ta’ Rajapaksa. Dawn iċ-ċittadini ilhom xhur sħaħ isofru minn nuqqasijiet tal-iktar affarijiet bażiċi u essenzjali bħal fjwuil, ikel u mediċini. 

Tajjeb li jingħad li l-mexxej tas-Sri Lanka jgawdi minn immunità sakemm ikun għadu president u aktarx kien għalhekk li  Gotabaya Rajapaksa ħarab mill-pajjiż qabel irriżenja biex b’hekk ma jiġix arrestat mill-amministrazzjoni l-ġdida.

Sport