Sunday, November 10, 2024

Il-President ta’ Sri Lanka jirriżenja … elezzjoni fl-20 ta’ Lulju

Aqra wkoll

Il-parlament tas-Sri Lanka se jkun qiegħed jivvota għal president ġdid f’elezzjoni li se ssir fl-20 ta’ dan ix-xahar. Ħabbar dan l-Ispeaker tal-Kamra wara li saret magħrufa r-riżenja uffiċjali ta’ Gotabaya Rajapaksa. Matul il-jum tal-bieraħ, l-Eks Prim Ministru Ranil Wickremesinghe ħa l-ġurnament bħala president proviżorju sakemm isiru l-elezzjonijiet. 

Rajapaksa ssottometta r-riżenja tiegħu lbieraħ wara li kien kostrett li jaħrab mill-pajjiż minħabba rabja kbira li qamet kontrih, liema riżenja ġiet aċċettata. Huwa bagħat ir-riżenja tiegħu permezz ta’ e-mail minn Singapore u b’hekk sar l-ewwel President ta’ Sri Lanka mill-1978 ’il ha­wn li rriżenja. Din ir-riżenja ġabet fi tmiemu r-renju tal-familja Rajapaksa li ddominaw il-politika lokali għal dawn l-aħħar għoxrin sena.  

It-tluq ta’ Rajapaksa sar wara xhur ta’ protesti minħabba l-kriżi ekonomika li għaddej minnha l-pajjiż. Il-poplu tas-Sri Lanka jemmen bis-sħiħ li kienet it-tmexxija ħażina ta’ Rajapaksa li wasslet għal din il-kriżi li qiegħda tikkawża tbatijiet kbar. 

L-instabbiltà politika fil-pajjiż laħqet il-qofol tagħha ftit tal-jiem ilu meta d-dimostranti daħlu bil-forza u okkupaw għadd ta’ bini governattiv. Kawża ta’ hekk Rajapaksa kien kostrett li jaħrab mill-pajjiż permezz ta’ ajruplan militari.

Sport