Il-President tal-Afrika t’Isfel Cyril Ramaphosa talab lill-President Russu Vladimir Putin biex iwaqqaf il-gwerra li qiegħed iwettaq kontra l-Ukranja.
Kien ilbieraħ meta Ramaphosa kellu laqgħat ma’ Putin fil-belt Russa ta’ San Pietruburgu bħala parti mill-missjoni li l-pajjiżi Afrikani qegħdin jagħmlu favur il-paċi.
Id-delegazzjoni mill-Afrika t’Isfel nhar il-Ġimgħa żaret Kiev fejn kellha taħdidiet mal-President Ukren Volodymyr Zelensky. Min-naħa tiegħu Volodymyr Zelensky qal li hu mhux se jidħol fl-ebda taħdidiet sakemm ir-Russja tibqa’ tokkupa art Ukrena.
Putin, qal lill-mexxejja Afrikani li Ukranja dejjem irrifjutat li jsiru negozjati u hu għalhekk bħalissa ma hemm l-ebda tama li l-gwerra tieqaf.
Ramaphosa waqt it-taħdidiet fir-Russja sejjaħ liż-żewġ naħat biex b’mod immedjat jirritornaw il-priġunieri tal-gwerra. Sostna wkoll li r-Russja għandha teħles b’mod immedjat tfal li ttieħdu mill-Ukranja u dawn għandhom jiritornaw lura lejn djarhom.
Rigwar it-tfal, Putin qal li huma qegħdin iżommu tfal Ukrani fir-Russja biex jipproteġuhom mill-gwerra hekk fil-post li dawn ittieħdu kien hemm periklu kbir li jinqatlu minħabba ġlied kbir.