Friday, April 25, 2025

Il-president tal-Awtorita Palestinjana jsejjaħ lill-Ħamas ‘ulied il-klieb’ 

Aqra wkoll

Mahmoud Abbas, il-President tal-Awtorita Palestinjana (PA)  sejjaħ lill-Ħamas bħala “ulied il-klieb” f’diskors furjuż li fih mhux biss ħeġġeġ għall-ħelsien tal-ostaġġi li għadhom qed jinżammu, iżda wkoll li l-Ħamas jiżżarma u jgħaddi l-kontroll ta’ Gaża sabiex itemm il-gwerra ma’ Iżrael.

Mahmoud Abbas qal dan f’laqgħa tal-Kunsill Ċntrali Palestinjan f’Ramallah, fix-Xatt tal-Punent okkupat fejn qal ukoll li l-Ħamas kien ta “skuża komda” lill-Iżrael biex jibda u ikompli bl-attakki tiegħu fuq Gaża. 

Dawn ir-rimarki kienu l-aktar qawwija kontra l-grupp Ħamas li wassal il-president tal-Awtorita Palestinjana minn meta bdiet il-gwerra f’Gaża 18-il xahar ilu.

B’reazzjoni, Bassem Naim, tal-uffiċċju politiku tal-Ħamas, ikkundanna dik li sejjaħ il-lingwa dispreġjattiva ta’ Abbas lejn proporzjon sinifikanti tal-poplu tiegħu stess. Huwa żied jgħid li Abbas ripetutament u b’mod suspettuż jitfa’ t-tort fuq il-poplu Palestinjan għad-delitti tal-okkupazzjoni u l-aggressjoni.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Ħamas irrifjuta proposta Iżraeljana għal waqfien mill-ġlied ġdid f’Gaża, li kienet tinkludi talba biex il-Ħamas jiġi diżarmat bi tpattija għal pawsa ta’ sitt ġimgħat fl-ostilitajiet u l-ħelsien ta’ 10 mid-59 ostaġġ li fadal.

Il-Ħamas filwaqt li tenna li se jgħaddi l-ostaġġi kollha bi bdil għat-tmiem tal-gwerra u l-irtirar sħiħ Iżraeljan, eskluda għal kollox li jċedi l-armi.

L-Awtorita Palestinjana, li hija mmexxija minn Mahmoud Abbas u ddominata mill-moviment  Al-Fatah, iggvernat biss partijiet tax-Xatt tal-Punent minn meta l-Ħamas ħataf il-kontroll ta’ Gaża fl-2007, sena wara li kien rebaħ l-elezzjonijiet leġiżlattivi.

It-tmexxija tal-PA saħqet regolarment li hija lesta li tieħu f’idejha t-tmexxija ta’ Gaża ta’ wara l-gwerra. Iżda kienet ġiet kkritikata mill-Palestinjani talli ma tkellmitx biżżejjed jew ma ħaditx azzjoni effettiva.

Il-President Abbas qal ukoll li l-Ħamas għandu “jgħaddi” r-responsabbiltà għal Gaża u l-armi li għandu lill-Awtorita Palestinjana, u jittrasforma ruħu f’partit politiku.

Il-Ħamas u l-PA ilhom mifrudin bl-aħrax għal għexieren ta’ snin, bil-firda tagħhom tiżgura li l-ebda tmexxija Palestinjana unifikata kemm fix-Xatt tal-Punent kif ukoll f’Gaża ma setgħet tinbet.

Abbas, ta’ 89 sena, huwa meqjus bħala irrilevanti minn ħafna Palestinjani. Huwa baqa’ fil-poter mingħajr elezzjoni għal ħafna snin, jippresiedi PA li hija meqjusa mill-kritiċi tagħha bħala ineffettiva u korrotta. Il-Ħamas essenzjalment akkużaha li kkollaborat mal-Iżrael.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport