Il-president tal-FIFA, Gianni Infantino, irid li t-Tazza tad-Dinja tintlagħab kull tliet snin, fl-aħħar pjan tiegħu biex ikompli “jsaħħaħ” il-football internazzjonali.
Il-FIFA diġà falliet fit-tentattiv tagħha li t-Tazza tad-Dinja tintlagħab kull sentejn, bidla apoġġjata minn Arsene Wenger, bl-organizzazzjonijiet Ewropej u Amerikani t’Isfel, il-UEFA u CONMEBOL, jopponu din l-idea.
U ma tkun l-ebda sorpriża li fil-jiem li ġejjin joħorġu stqarrijiet li ma jaqblux ma’ din it-tieni idea ta’ Infantino li jrid li l-iskeda ta’ tliet snin tidħol fis-seħħ f’dawn l-għaxar snin.
Qed jingħad li l-president tal-FIFA għandu l-appooġġ tal-pajjiżi Afrikani u Asjatiċi għal dan il-pjan il-ġdid. Iżda huwa se jkollu bżonn ukoll l-appoġġ mill-Ewropa u mill-Amerika t’Isfel biex din il-proposta tgħaddi b’suċċess.
Peró huwa għandu fiduċja netta li din il-bidla se tiġi implimentata wara s-suċċess kummerċjali kbir fit-Tazza tad-Dinja tal-Qatar.
It-tournament għamel dħul rekord ta’ €6.2 biljun, li kabbar id-dħul tal-2018 fir-Russja, b’€840m.
Infantino jemmen ukoll li dan it-tournament jista’ jintlagħab fix-xitwa fil-pajjiżi Ewropej, hekk kif din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja ħolqot preċedent hekk kif il-kampjonati ħadu pawsa f’nofs l-istaġun biex jieħdu sehem fl-ikbar manifestazzjoni sportiva fid-dinja.
Infantino ilu fit-tmexxija tal-FIFA mill-2016, iżda dan l-aħħar ġie deċiż li għadu fl-ewwel mandat tiegħu u li se jibda t-tieni mandat f’Marzu, li jista’ jippermettilu jibqa’ fit-tmexxija sal-2031 jekk itemm il-massimu … jiġifieri tliet termini.
Waqt l-Assemblea Ġenerali tal-FIFA, nhar is-Sibt li għadda huwa qal: “Fir-rigward tal-kjarifika tal-mandat tiegħi bħalissa ninsab fl-ewwel mandat tiegħi u fis-16 ta’ Marzu meta jkun hemm l-elezzjoni għall-president tal-FIFA, f’Kigali, fir-Rwanda, jibda t-tieni mandat bħala president tal-FIFA. Hemm limitu ta’ tliet termini.”