Thursday, November 14, 2024

Il-President tal-FIFA jgħajjar lill-pajjiżi tal-Punent b’ipokresija dwar id-drittijiet tal-bniedem

Aqra wkoll

Il-President tal-FIFA, Gianni Infantino, akkuża lill-pajjiżi tal-Punent b’“ipokresija” fir-rappurtaġġ tagħhom dwar ir-rekord tad-drittijiet tal-bniedem fil-Qatar.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Doha, Infantino iddefenda lill-Qatar u t-tournament, li għandu jibda proprju l-Ħadd.

“Illum għandi sentimenti qawwija. Illum inħossni Qatari, inħossni Għarbi, inħossni Afrikan, inħossni omosesswali, inħossni diżabbli, inħossni ħaddiem migrant,” qal fil-kummenti tal-ftuħ tiegħu, li dam għal kważi siegħa.

“Jekk l-Ewropa verament tieħu ħsieb id-destin ta’ dawn in-nies, jistgħu joħolqu kanali legali – bħalma għamel il-Qatar – fejn għadd minn dawn il-ħaddiema jistgħu jiġu l-Ewropa biex jaħdmu. Agħtuhom  futur …  agħtuhom tama,” huwa qal.

“Għandi d-diffikultajiet biex nifhem il-kritika. Irridu ninvestu biex ngħinu lil dawn in-nies, fl-edukazzjoni u nagħtuhom futur aħjar u aktar tama. Ilkoll għandna nedukaw lilna nfusna … ħafna affarijiet mhumiex perfetti imma r-riforma u l-bidla jieħdu ż-żmien.

“Din il-lezzjoni morali fuq naħa waħda hija biss ipokresija. Nistaqsi għaliex ħadd ma jagħraf il-progress li sar f’dan il-pajjiż mill-2016 ‘l hawn.

“Mhux faċli li tieħu l-kritika ta’ deċiżjoni li ttieħdet 12-il sena ilu. Il-Qatar lest u nemmen li se tkun l-aqwa Tazza tad-Dinja li qatt saret.

“Jien m’għandix għalfejn niddefendi lill-Qatar, jistgħu jiddefendu lilhom infushom. Jien niddefendi lill-football.”

Fi Frar 2021, ġie rrappurtat li 6,500 ħaddiem migrant mill-Indja, il-Pakistan, in-Nepal, il-Bangladesch u s-Sri Lanka kienu mietu fil-Qatar minn meta rebaħ l-offerta tat-Tazza tad-Dinja.

Ftit tal-jiem ilun, il-Qatar marru lura mid-deċiżjoni oriġinali tagħhom biex issa l-birra hija pprojbita għal kollox. 

Ir-renju ċkejken tal-Golf  Għarbi pprojbixxa l-konsum tal-birra minħabba l-liġijiet Musulmani stretti tiegħu li jipprojbixxu l-alkoħol.

Qabel it-tournament kien imwiegħed li kien se jkun hemm żoni fejn il-partitarji setgħu jixorbu, b’mijiet ta’ eluf mistennija jinżlu fuq il-pajjiż għal dan it-tournament. 

Ekonomija

Sport