Friday, November 15, 2024

Il-president tal-FIFA jitlob għall-waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna matul it-Tazza tad-Dinja

Aqra wkoll

Il-President tal-FIFA, Gianni Infantino, talab għal xahar ‘waqfien mill-ġlied matul it-Tazza tad-Dinja’ fl-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna.

Infantino kien qed jitkellem mal-mexxejja dinjin fis-summit tal-G20 f’Bali, ftit jiem biss qabel jibda t-tournament fil-Qatar.

Issa għaddew kważi disa’ xhur minn meta Vladimir Putin ordna l-invażjoni tal-Ukrajna minn pajjiżu – mingħajr l-ebda sinjal li l-kunflitt jista’ jieqaf dalwaqt.

Ir-Russi kellhom jilagħbu fi play-off kontra l-Polonja aktar kmieni din is-sena biex jikkwalifikaw għall-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja … peró ġew sospiżi mill-kompetizzjoni mill-FIFA.

Nhar it-Tnejn li għadda, immarka sena minn meta r-Russja lagħbet l-aħħar logħba kompetittiva, bin-nazzjon tkeċċa wkoll mill-UEFA Nations League u sospiż mill-proċess ta’ kwalifikazzjoni li jmiss għall-Kampjonati Ewropej tal-2024.

Infantino fit-talba tiegħu sejjaħ lill-mexxejja dinjin biex jagħmlu dak kollu fil-poter tagħhom biex jintemm dan il-kunflitt. 

Huwa qal: “Il-football huwa forza għall-ġid. Ovvjament aħna konxji biex nemmnu li l-football ma jistax isolvi l-problemi tad-dinja – għal dan, int qiegħed hemm.

“Nafu li l-fokus ewlieni tagħna bħala organizzazzjoni sportiva huwa u għandu jkun l-isport. Iżda minħabba li l-football jgħaqqad lid-dinja, din it-Tazza tad-Dinja, b’ħames biljun ruħ jarawha tista’ tkun xprun għal ġest pożittiv għal sinjal jew messaġġ ta’ tama.

“Ir-Russja ospitat l-aħħar Tazza tad-Dinja fl-2018. L-Ukrajna qed tagħmel offerta biex tospita t-Tazza tad-Dinja fl-2030. Forsi t-Tazza tad-Dinja attwali li tibda fi ftit ijiem oħra tista’ tkun kawża pożittiva.

“Mela t-talba tiegħi għalikom ilkoll hija li taħsbu fuq waqfien mill-ġlied temporanju għal xahar matul it-Tazza tad-Dinja jew għall-inqas xi medjatur  jew xi ħaġa li tista’ twassal biex jerġa’ jibda d-djalogu bħala l-ewwel pass lejn il-paċi.

“Intom il-mexxejja dinjija, kapaċi tinfluwenzaw il-kors tal-istorja. Il-football u t-Tazza tad-Dinja qed joffru lilkom u lid-dinja pjattaforma unika ta’ għaqda u paċi … allura ejjew nieħdu din l-opportunità biex nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nibdew intemmu l-kunflitti kollha.”

Ir-Russja u Putin huma barra mil-lista tal-mistednin hekk kif il-Ħadd jingħata bidu  għat-Tazza tad-Dinja.

Minkejja li tkeċċa mit-tournament, l-Emir tal-Qatar irringrazzja lir-Russja u lill-president tagħha talli għenu lin-nazzjon tal-Golf jorganizza t-Tazza tad-Dinja ta’ din is-sena, u qal li hu ‘kburi’ bir-relazzjoni taż-żewġ pajjiżi.

Ekonomija

Sport