Saturday, December 28, 2024

Il-President tal-KE tfaħħar lil Malta għar-riformi fis-saltna tad-dritt

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen kellha kliem ta’ tifħir għall-progress sinifikanti u l-isforzi tal-Gvern Malti fir-riformi gudizzjarji li wettaq fir-rigward tat-tħaris tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna. 

Dan għamlitu waqt li nhar l-Erbgħa li għadda kienet qed tindirizza lill-Parlament Ewropew fid-diskors annwali ‘State of the Union’ li fiħ elenkat il-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea fix-xhur li għaddew u x’se jkunu l-prijoritajiet tal-Unjioni għaż-żmien li ġej.

Fost it-temi li ndirizzat, von der Leyen saħqet fuq il-ħtieġa ta’ protezzjoni akbar lil membri tal-media, lill-ġurnalisti u lid-dritt tal-espressjon ħielsa. 

Hija rreferiet ukoll għal mod kif l-Unjoni Ewropea rrispondiet għall-pandemija tal-Covid-19 u kif se tkompli taħdem għal qawmien ekonomiku wara l-pandemija. Semmiet ukoll is-sitwazzjoni  mqallba fl-Afghanistan kif ukoll it-transizzjoni diġitali u t-tħaris tal-ambjent.

Ursula von der Leyen mistennija tiġi Malta din il-ġimgħa biex tippreżenta fondi ta’ €320 miljun mill-European Recovery Fund li Malta se tingħata bħala parti mill-pjan ta’ rkpru ekonomiku tal-Unjoni Ewropea għal wara l-pandemija tal-Covid-19.

Fil-fatt, nhar it-Tlieta li għadda s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Żrinżo Azzopardi, ħabbar il-pjan tal-Gvern ta’ kif se jintefqu u fejn se jiġu investiti dawn il-fondi mill-UE. 

Il-pjan jinkludi proġett-pilota ta’ bini ta’ skola li tkun ħielsa mit-tniġġiż tal-karbonju, campus ġdid għall-Istitut għall-Istudji Turistiċi, il-qalba diġitali tas-sistema tal-ġustizzja u l-bini ta’ rmiġġi tal-ferry f’San Pawl il-Baħar u ieħor f’Buġibba.

Dawn il-fondi Ewropej huma kundizzjonata mill-approvazzjoni tal-pjan tal-Gvern mill-Kummissjoni Ewropea.

Ekonomija

Sport