Sunday, November 24, 2024

Il-President tal-Kolumbja jipproponi ftehim ta’ waqfien mill-ġlied mal-gruppi armati kollha

Aqra wkoll

Gustavo Petro, il-President tal-Kolumbja li ħa l-kariga iktar kmieni dan ix-xahar, ippropona li jkun hemm waqfien mill-ġlied multilaterali għall-gruppi armati kollha li joperaw f’dan il-pajjiż. Dan bħala parti mill-isforz li qiegħed jagħmel biex jiġi promoss il-paċi u jintemm il-kunflitt intern li ilu għaddej għal deċennji sħaħ. 

Fil-passat Petro kien parti mill-grupp ta’ ġellieda gwerilliera M-19 iżda mbagħad kien ċeda l-armi u rritorna għall-ħajja ċivili fl-1990. Hu ħabbar din l-inizjattiva waqt żjara fil-muniċipalità ta’ Ituango, żona li hija maħkuma ħafna mill-vjolenza ta’ gangs armati.

Fid-diskors li għamel f’din iż-żjara Petro qal li hemm ħafna gruppi armati li wrew ix-xewqa li jtemmu din il-konfrontazzjoni. Il-president – li huwa l-ewwel wieħed ta’ twemmin xellugi fl-istorja tal-Kolumba – qal li dan il-waqfien mill-ġlied għandu joħloq klima ideali biex ikun hemm tisħiħ soċjali u jġib fi tmiemha darba għal dejjem il-vjolenza minn gruppi armati. 

Il-Kolumbja ilha xejn inqas minn sittin sena tesperjenza vjolenza kawża ta’ gruppi armati fejn huwa kkalkulat li bejn 1985 u l-2018 xejn inqas minn 450,000 persuna tilfu ħajjithom – fil-maġġoranza tagħhom nies ċivili. 

Sport