Tuesday, December 24, 2024

Il-president tal-UEFA jgħid li l-ebda finali tal-UCL m’hi se tintlagħab fis-Sawdi

Aqra wkoll

Il-president tal-UEFA, Aleksander Cefe­rin (ritratt), saħaq li sakemm jibqa’ fit- tmexxija, l-ebda finali tal-UEFA Champions League ma hi se tintlagħab fl-Arabja Sawdi­ja. 

“Mhux matul il-mandat tiegħi … iżda jien mhux se nibqa’ hawn għal dejjem,” qal Ceferin fil-Kungress tan-Negozju tal-Isport, f’Hamburg.

Riċentement, il-federazzjonijiet Spanjoli u Taljani ospitaw il-finali rispettivi tagħhom tas-Supercup, f’dan il-pajjiż Għarbi.

Matul dawn l-aħħar snin, dan il-pajjiż investa biljuni fl-isport. Fil-football, ​​il-kampjonat Sawdi attira diversi stilel mill-aqwa, bħal Cristiano Ronaldo, għal somom eżorbitanti.

It-Tazza tad-Dinja tal-2034 mistennija ssir fl-Arabja Sawdija, filwaqt li fil-preżenti, il-pajjiż jospita wkoll tiġrija tal-Formula Wieħed.

Sadanittant Ceferin ma jarax lill-Arabja Sawdija bħala periklu għall-football Ewropew. Huwa jemmen li l-istrateġija tal-iffirmar tal-aqwa stilel tal-football mhijiex dik it-tajba.

“Jekk prinċipalment tixtri players li ma jistgħux jilagħbu aktar fl-Ewropa u tħallashom iżżejjed … kemm inti qed tiżviluppa l-players żgħażagħ tiegħek?” huwa staqsa.

“Il-partitarji Ewropej jagħmlu żewġ affarijiet: Isegwu lit-team favorit u lit-team nazzjonali tagħhom … u jsegwu l-kompetizzjonijiet aktar milli jsegwu lill-players,” żied jgħid Ceferin.

L-Arabja Sawdija ġiet ikkritikata ħafna għar-rekord tad-drittijiet tal-bniedem tagħha u kull tip ta’ abbuż ieħor – tuża l-isports biex tiddevja minn problemi domestiċi.

Madankollu, dan il-pajjiż huwa l-uniku kandidat biex jospita t-Tazza tad-Dinja tal-2034 u huwa lest li jirbaħ l-offerta minħabba l-politika ta’ rotazzjoni tal-korp governattiv tal-football tal-FIFA, qed tfisser li nazzjonijiet mill-Asja u l-Oċeanja biss  huma eliġibbli biex jospitaw it-tournament f’dik is-sena!

Ekonomija

Sport