Ma nafx jekk int segwejtx id-Diskors mill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika fit-13 ta’ dan ix-xahar. Jien mhux biss segwejtu b’mod dirett imma mbagħad rajt li jkolli kopja tiegħu għax kien diskors li fih x’tomgħod. Waqt li erġajt qrajtu għal darba darbtejn, iddeċidejt li minn żmien għal żmien nirrikorri għalih u nagħti ħsibijieti dwar is-suġġett partikolari, għax ovvjament il-President ma trattatx suġġett wieħed biss.
Għal-lum għażilt li nikkummenta dwar il-punti li għamlet il-President dwar il-Kunsilli Lokali. Nislet kelma b’kelma l-paragrafu li jikkonċerna s-suġġett li għażilt. Il-President tar-Repubblika qalet hekk:
F’dawn l-aħħar ħamsin sena, eżattament tletin sena ilu, tnedew il-Kunsilli Lokali, intiżi biex iċ-ċittadin ikollu post aktar dirett fit-tmexxija, almenu fil-lokalità fejn jgħix. Nistaqsi iżda, qegħdin naraw illi l-Kunsilli Lokali nipprovdulhom l-għodda u l-finanzi neċessarji sabiex ikollhom rwol aktar effettiv fil-komunità? Mil-laqgħat li jkolli, ukoll minn dak li nsegwi fil-midja, jasal illi ħafna drabi hemm nuqqas ta’ kordinament bejn il-Kunsilli u l-Awtoritajiet Ċentrali. Għandha tkun stabbilita linja ta’ informazzjoni bejn l-Awtoritajiet u l-Kunsilli Lokali; jeħtieġ li l-Kunsilli jinżammu infurmati b’dak li jolqot il-lokalità tagħhom.
Mela ħalli nagħmel il-pożizzjoni tiegħi dwar dak li nemmen li għandu jkun il-bażi fil-formazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Ma naqbilx li jkunu kontestati kif qegħdin bħalissa. Il-partiti politiċi m’għandhomx jikkontestawhom huma. Ma jsirx hekk kollu tort tal-Partit Nazzjonalista, li sa mill-bidunett ried l-involviment partiġġjan fihom. Fil-fatt fil-bidu l-Partit Laburista ma kienx jikkontesta, imma mbagħad kellu jinġarr mill-kurrent. Ma baqgħax isostni l-pożizzjoni oriġinali tiegħu, ovvjament għax iċ-ċirkostanzi hekk kienu jitolbu.
Nemmen bis-sħiħ li l-Kunsilli Lokali għadhom ikunu ffurmati minn ċittadini tal-lokalità fuq impenn u inizjattiva tagħhom infushom u mhux taħt kappa ta’ partit politiku. Jingħad x’jingħad illum għandna Kunsilli Lokali imġebbdin minn imneħirhom mill-partit politiku li f’ismu kkontestaw, kemm jekk qegħdin f’maġġoranza kif ukoll jekk qegħdin f’minoranza.
Mhux hekk biss. Inħoss li l-element partiġġjan jiddomina b’mod assolut. Mela, jekk għandek Kunsill Lokali b’maġġoranza Laburista dan jiġbed il-ħabel tal-Gvern anke jekk forsi l-lokalità tiegħu tkun se tintlaqat ħażin minn xi deċiżjoni tal-Gvern Ċentrali. Min-naħa l-oħra fejn il-maġġoranza hija tal-Partit Nazzjonalista din mhux se tiġbed il-ħabel tal-Gvern anke jekk il-lokalità tkun se tibbenefika mid-deċiżjoni tal-Gvern Ċentrali. Li tkun qed tipproponi naħa se jkun hemm oġġezzjoni għaliha min-naħa l-oħra. Is-sitwazzjoni tiggrava meta xi proġett jitwaqqaf jew ma jitkompliex bir-ritmu li jkun għaddej bih jekk tinbidel l-amministrazzjoni tal-Kunsill Lokali. Il-każ tal-pjazza tal-Mosta huwa eżempju klassiku.
Dawn l-affarijiet ma jseħħux kieku m’hemmx l-indħil tal-partiti politiċi. Nistħajlek tgħidli: imma jkun min ikun jifforma Kunsill mhux xorta jkollu inklinazzjoni politika anke jekk ma jikkontestax f’isem partit politiku? Iva, mitt darba u elf li jista’ jkun hemm tali inklinazzjoni, imma ma jfissirx li jkun hemm rabta obbligatorja. La darba tkun ikkontestajt f’isem partit politiku, tali partit jippretendi li tiġbed il-ħabel tiegħu anke jekk int, bħala kunsillier, ma tkunx qed taqbel ma’ dik il-linja. Jekk il-każ tal-Mosta huwa eżempju klassiku fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista daqstant ieħor huwa klassiku l-każ tal-Gżira fil-konfront tal-Partit Laburista.
Il-Gvern Laburista għandu sfida quddiemu bħalissa. Sfida li offrielu l-elettorat ta’ Ħaż-Żebbuġ meta f’Ġunju li għadda eleġġa żewġ kunsillieri indipendenti, b’wieħed minnhom, is-Sindku attwali, ikun l-aktar wieħed li kiseb voti, u allura l-akbar fiduċja, mill-elettorat Żebbuġi. Dan minkejja li l-Partit Laburista kiseb l-akbar ammont ta’ siġġijiet fuq bażi ta’ partiti, erbgħa għat-tlieta miksubin mill-Partit Nazzjonalista. L-isfida li għandu l-Gvern Laburista hija fil-mod ta’ kif se jkun qed jaħdem ma’ dan il-Kunsill. Ħidma li finalment se tkun qed tirrifletti jekk il-Partit Laburista hux se jkun qed isostni dak li oriġinarjament kien jemmen fih: li l-Kunsilli Lokali m’għandhomx ikunu taħt il-kappa tal-partiti politiċi. Huwa ż-żmien li għad irid iwieġeb din il-mistoqsija.
Ngħaddi issa għall-mistoqsijiet li għamlet il-President tar-Repubblika. Il-President staqsiet: qegħdin naraw illi l-Kunsilli Lokali nipprovdulhom l-għodda u l-finanzi neċessarji sabiex ikollhom rwol aktar effettiv fil-komunità?
X’inhi t-tweġiba għal din il-mistoqsija? Għaliex saret tali mistoqsija? Mistoqsija li minnha nnifisha toħloq dubju jew tfisser li hemm nuqqas ta’ informazzjoni. Kieku l-President tar-Repubblika taf, jew hija konvinta, li qegħdin ikunu provduti l-għodod u l-finanzi neċessarji sabiex il-Kunsilli Lokali jkollhom rwol aktar effettiv fil-komunità ŻGUR li ma kinetx se tagħmel mistoqsija bħal dik.
Orbot ma’ din il-mistoqsija d-dikjarazzjoni tal-President meta qalet li “Mil-laqgħat li jkolli, ukoll minn dak li nsegwi fil-midja, jasal illi ħafna drabi hemm nuqqas ta’ kordinament bejn il-Kunsilli u l-Awtoritajiet Ċentrali.” X’inhuma r-raġunijiet li, ikkunsidrat il-fatt li issa għandna 30 sena esperjenza ta’ Kunsilli Lokali, wasslu għal din is-sitwazzjoni: nuqqas ta’ kordinament bejn il-Kunsilli u l-Awtoritajiet Ċentrali?
Fl-opinjoni tiegħi, l-aħħar sentenza tal-President tar-Repubblika fir-rigward tal-Kunsilli Lokali fiha x’togħmod mhux ħażin. Il-President tar-Repubblika qaltilna li “Għandha tkun stabbilita linja ta’ informazzjoni bejn l-Awtoritajiet u l-Kunsilli Lokali; jeħtieġ li l-Kunsilli jinżammu infurmati b’dak li jolqot il-lokalità tagħhom.”
Dan ifisser ċar daqs il-kristall li ma teżistix linja ta’ informazzjoni bejn l-Awtoritajiet u l-Kunsilli Lokali. Li kieku teżisti tali linja ma naħsibx li l-President tar-Repubblika kienet se tasal tgħid li għandha tkun stabbilita linja ta’ informazzjoni bejn l-Awtoritajiet u l-Kunsilli Lokali. Tant hu hekk li l-President tar-Repubblika indikat bl-aktar mod ċar u mingħajr kantunieri x’għandu jsir. Qaltilna li “jeħtieġ li l-Kunsilli jinżammu infurmati b’dak li jolqot il-lokalità tagħhom.”
Ir-referenza tal-President tar-Repubblika għall-Kunsilli Lokali kienet tikkonsisti minn 86 kelma minn total ta’ 2,833 kelma li kienu jiffurmaw id-Diskors tagħha. Sitta u tmenin kelma punġenti u diretti, b’ebda waħda minnhom ma jidhirli li hija żejda.
Sinċerament nixtieq li fit-13 ta’ Diċembru 2025 il-President tar-Repubblika tkun f’pożizzjoni li fid-diskors tagħha ta’ dakinhar tirreferi għad-diskors tagħha stess tat-13 ta’ Diċembru 2024 u tirrapporta b’sodisfazzjon li l-mistoqsijiet u l-appelli tagħha jkunu twieġbu u ngħataw widen.
Nawgura lil kulħadd tmiem is-sena mill-aqwa u bidu ta’ sena ġdida mimlija risq, hena, sliem u saħħa.
[email protected]