Tifla Ingliża ta’ 9 snin li qatgħet xagħarha biex jinħolqu parrokki għal tfal li tilfu xagħarhom minħabba mard jew kundizzjonijiet mediċi, u ispirat ktieb b’risq il-Malta Community Chest Fund, iltaqgħet mal-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta.
Ria-Rose Leia Moore qatgħet xagħarha f’Malta, waqt vaganza għand iz-zija tagħha li hi parrukkiera, u għaddietu lill-għaqda mhux governattiva Little Princess Trust tar-Renju Unit, li taħdem mill-qrib ta’ tfal li jkunu għaddejjin mill-esperjenza diffiċli tal-mard. Bħall-Malta Community Chest Fund f’Malta, din it-Trust toħloq parrokki magħmula minn xagħar reali u jingħataw lil dawk li jitilfu xagħarhom minħabba li qed jingħataw il-kura.

Il-ġest ta’ Ria ispira il-ktieb ‘Xagħar Ria’, miktub mill-ħabiba tal-familja Patricia Bondin, li ħadet din l-inizjattiva meta semgħet bil-ġest tat-tifla Ingliża. Il-qligħ minn dan il-ktieb se jmur b’risq il-missjoni tal-Malta Community Chest Fund li tkompli tassisti lil dawk kollha li jiġu bżonnha.
Il-Malta Community Chest Fund rat il-ġest ta’ din it-tifla bħala kumplimentari mal-ħidma tagħha, sabiex it-tfal ikunu inkoraġġiti jimpenjaw ruħhom b’risq il-bżonnijiet ta’ ħaddieħor – l-iskop wara l-kampanja annwali BOV Piggy Bank, u għalhekk l-istess MCCF talbet lill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono għal laqgħa ma’ Ria fil-Palazz Sant’Anton.
Matul il-laqgħa, Ria spjegat kif il-ġest tagħha kien ispirat mill-istejjer ta’ tfal oħra li jitilfu xagħarhom minħabba l-mard. Kienet hi li xtaqet li tagħmel din id-donazzjoni ta’ xagħar, u insistiet li twettaq il-ġest tagħha minkejja li kienet taf li kienet se ddum biex terġa’ ttawwal xagħarha għad-daqs li kien qabel.
Il-President Myriam Spiteri Debono rrikonoxxiet li din kienet inizjattiva li ħadet tifla ta’ disa’ snin minn jeddha, għaliex ħasset fiha sens ta’ responsabbiltà u altruwiżmu biex tgħin lil ħaddieħor, u kien għalhekk li aċċettat it-talba għal laqgħa magħha.
Waqt li indirizzat lil Ria, il-President ħeġġitha biex tkompli tixpruna inizjattivi simili fil-komunità tagħha u biex tiġbor magħha lil sħabha tal-iskola u tħeġġiġhom biex huma wkoll ikunu parti minn inizjattivi b’risq ħaddieħor.
Minbarra Ria u ommha, għal-laqgħa ta’ korteżija attendew ukoll l-awtriċi tal-ktieb, Patricia Bondin, l-illustratriċi Lynn Zammit Russell u l-editur, il-Professur Toni Aquilina, akkumpanjati minn Joanne Micallef, il-fundatriċi ta’ Faraxa Publishing House.
Kienu preżenti wkoll is-Segretarju tal-Presidenza, Moira Attard, iċ-Chairperson tal-Malta Community Chest Fund, Sina Bugeja, kif ukoll l-uffiċjali tal-Uffiċċju tal-President, Reuben Attard u Christian Vella Masini.

