Il-President ta’ Malta George Vella, u martu s-Sinjura Miriam Vella żaru Għawdex is-Sibt, 22 ta’ Awwissu.
L-ewwel waqfa kienet f’Dar l-Arka f’Għajnsielem, fejn il-President ta’ Malta kellu l-opportunità li jżur Dar il-Ġublew tal-Ħniena u Dar il-Madonna ta’ Pinu, appartamenti għal ħajja indipendenti għal persuni bi bżonnijiet speċjali.
Matul din iż-żjara, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Arka, is-Sur Michael Portelli, fisser kif bħalissa qed isiru aktar investimenti biex il-fondazzjoni, li din is-sena qed tiċċelebra l-20 sena mit-twaqqif tagħha, tkompli toffri għajnuna lil dawk fil-bżonn. Min-naħa tiegħu, il-President ta’ Malta faħħar żewġ aspetti li fuqhom hija msawra l-ħidma li jwettqu l-persuni li jieħdu ħsieb lir-residenti f’Dar Arka – l-għożża u l-imħabba.
Iż-żjara f’Għawdex kompliet b’waqfa fil-Fondazzjoni OASI, li tiffoka fuq il-prevenzjoni, l-interventi, u servizzi oħra ta’ trattament marbuta mal-abbuż mid-droga u mill-alkoħol, u ma’ vizzji oħrajn. Hawnhekk, il-President ltaqa’ mar-residenti u wassal messaġġ ta’ inkuraġġiment f’din il-mixja ta’ aktar dixxiplina fil-ħsieb tal-bniedem li jkun imġarrab.
L-aħħar waqfa fil-gżira Għawdxija kienet fix-Xewkija, fejn il-President żar wirja tal-artiġġjanat magħmula minn biċċiet tal-ġojjellerija, bl-użu mill-ġdid ta’ partijiet antiki tal-arloġġi li jmorru lura għas-snin 70. Huwa faħħar l-oriġinalità tax-xogħol u l-kapaċitajiet li huma meħtieġa biex issir ġojjellerija ta’ din ix-xorta.