Sunday, December 22, 2024

Il-President u s-Sinjura Vella jattendu t-tifkira tat-80 anniversarju ta’ ‘Operation Pedestal’

Aqra wkoll

Il-President George Vella u s-Sinjura Vella attendew is-servizz ta’ tifkira tat-80 anniversarju ta’ ‘Operation Pedestal’, magħrufa wkoll bħala l-Konvoj ta’ Santa Marija.

Il-President Vella qal li l-ferħ, it-tama u l-kuraġġ li mlew l-ispirtu tal-Maltin bis-saħħa tal-wasla tal-provvisti tant meħtieġa matul it-Tieni Gwerra Dinjija, għadhom wieħed mill-aktar episodji sinjifikanti tal-istorja riċenti tagħna. B’dispjaċir, il-President osserva li tmenin sena wara, stati nazzjon oħrajn għadhom qed isofru l-kefrija tal-gwerra u qed ibatu l-ġuħ u l-mard. “Iż-żieda tal-vjolenza fl-Ukrajna, il-gwerra fil-Jemen, it-theddid ta’ karestija fis-Somalja, il-biża’ ta’ nuqqas ta’ nutrizzjoni f’ħafna pajjiżi u t-tilwim politiku aktar riċenti li qed ixekkel il-passaġġ sigur tal-qamħ lejn pajjiżi oħra, jixħtu dawl fuq dinja li, sfortunatament, ma nbidlitx ħafna minn nofs is-seklu 20”, qal il-President.

Fid-diskors tiegħu, il-President Vella nnota li l-avvanzi fl-oqsma tal-armamenti u tal-kunflitt bl-armi, inklużi l-armamenti “intelliġenti” l-ġodda, jixħtu dell fuq it-tagħlimiet li ħadet l-umanità dwar l-irwol tad-djalogu u d-diplomazija multilaterali paċifika.

Tifkiriet bħal dawn, irrimarka l-President, jitilfu l-iskop maħsub tagħhom jekk jiġu ċċelebrati waħedhom. “L-iskop li qegħdin miġburin hawnhekk illum huwa li nfakkru avveniment storiku u nagħrfu l-interdipendenza tal-iżvilupp domestiku, reġjonali u internazzjonali. Irridu wkoll nibagħtu messaġġ qawwi dwar l-irwol importanti tal-paċi pożittiva u attiva”, għalaq il-President.

Is-servizz ta’ tifkira organizzat mir-Royal Navy Association (Malta Branch) tmexxa mir-Reverendu Kanonku Simon Godfrey, Kanċillier tal-Prokatidral ta’ San Pawl, il-Belt Valletta, u Dun Marius Zerafa. Inżammet minuta silenzju u tpoġġew girlandi ta’ tifkira fil-baħar.

Ekonomija

Sport